Read in English.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li ma jistax ikun li Gvern ta’ pajjiż Ewropew juża s-saħħa elettorali biex jgħaddi romblu minn fuq il-poplu u jgħaddi romblu wkoll minn fuq il-valuri, il-garanziji u l-istandards Ewropej, li Malta kisbet bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Huwa kien qed jindirizza l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) f’Żagreb fil-Kroazja. Aktar kmieni, Delia talab lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jerfa’ r-responsabbiltà politika u jieħu azzjoni.
Fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu ġie arrestat sid il-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech waqt li allegatament kien qed jipprova jaħrab mill-pajjiż.
Assassinju Daphne: Jinħareġ il-mandet ta’ arrest għal Yorgen Fenech
Dr Delia qal li “Malta mhix l-azzjonijiet ta’ ftit persuni qrib tal-poter. Il-Maltin mhux poplu korrott, il-Maltin u l-Għawdxin huma kburin b’pajjiżhom u bil-valuri Ewropej li jsawruna”.
Saħaq li llejla l-Maltin u l-Għawdxin niżlu fit-toroq biex jipprotestaw u jitolbu li isiru jafu l-verità kollha u ssir ġustizzja.
“Kien hemm aktar arresti”
F’konferenza tal-aħbarijiet minn Żagreb, Dr Delia stqarr li fl-aħħar sigħat kien hemm aktar arresti, “wieħed jew tnejn oħra”, b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fl-istess waqt insista li l-Prim Ministru għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika.
Dr Delia saħaq li minkejja li l-prudenza hi l-aqwa għażla f’dawn il-mumenti, minbarra l-proċess ġudizzjarju hemm ir-responsabbiltà politika. Enfasizza li “l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jgħidilna x’se jagħmel u mhux x’ma jistax jagħmel”.
Dalgħodu Joseph Muscat qal li għalkemm irid ineħħi ż-żrar miż-żarbun, “kull kelma li ngħid mhux se tgħin biex jingħalaq il-każ b’suċċess”.
Filmat: Assassinju Daphne: “Ma jidhirx li hemm politiċi involuti”
Adrian Delia, sostna li Dr Muscat irid jieħu azzjoni, “għax iċ-Chief of Staff tiegħu għadu fl-uffiċċju tiegħu”. Stqarr li dak li ġara fl-aħħar sigħat għandu konnotazzjonijiet u implikazzjonijiet ċari. Irrimarka li Yorgen Fenech għandu rabtiet ċari mal-Gvern ta’ Joseph Muscat, fost l-oħrajn bil-Ministru Konrad Mizzi u b’Keith Schembri.
Dr Delia saħaq li l-Oppożizzjoni ilha xhur u snin tinsisti li għandhom jintrefgħu r-responsabbiltajiet politiċi, minħabba l-ħsara li qed issir lill-pajjiż.
Iddeskriva dan bħala mument diffiċli u delikat għall-pajjiż u li se jkun qed jagħmel l-arranġamenti biex jirritorna Malta minnufih.
Ara l-kummenti dwar l-iżviluppi ta’ dalgħodu