Filmat: Artist Għawdxi bl-ewwel pittura għall-Knisja ta’ Raħal Ġdid

Laqagħni b’kikkra kafè sħuna fl-istudju tiegħu fi Pjazza San Franġisk, il-Belt Victoria.  Bla ma qagħad jomgħodha, qalli li ftit li xejn idaħħal nies jarawh ipitter, imma ma’ ‘Franġiskan’ bħalu seta’ jagħmel eċċezzjoni.
Għax għalkemm Manuel Farrugia, fil-fjur ta’ żgħożitu, diġà wera kemm jipprometti bħala artist, baqa’ dejjem saqajh mal-art u jaf mnejn telaq u fejn irid jasal.  Urieni kuntent id-disinn impitter tax-xogħol skultorju ta’ arti pubblika li qed jaħdem għal nofs Pjazza San Franġisk, fejn joqgħod mal-familja tiegħu. 
Għidtlu li għadni nittama li xi darba jaħdimli San Franġisk lili wkoll!  Bit-tbissima ferrieħa li donnha qatt ma tħalli lil wiċċu, ma qatagħlix qalbi għal kollox… għalkemm fakkarni li l-muża tikkmanda!
L-artist żagħżugħ, li fil-ftit snin li ilu jpitter ġa rnexxielu jtella’ żewġ wirjiet personali tal-arti u għandu gzuz ta’ xogħlijiet imxerrda f’festi u kollezzjonijiet privati, dan l-aħħar beda jesplora wkoll l-iskultura. Għandu ħila partikulari biex jesprimi ruħu artistikament fi żmien qasir.  Ipoġġi l-pinzell mat-tila, u waħdu jibda jiżbokka l-ġmiel bla ħafna sforz.
Ma’ Newsbook.com.mt qal li issa iktar qed jiffoka fuq xogħlijiet għal knejjes u ngħata kummissjoni kbira mill-knisja parrokkjali ta’ Raħal il-Ġdid, li għandhom jiġu inawgurati għas-solennità ta’ Kristu Re.
Lil Manuel sibtu jagħti l-aħħar irtokki liż-żewġ anġli għal mas-Sagrament.  “Huma l-ewwel xogħol ta’ pittura dekorattiva għal din il-knisja li sa issa kienet għadha għerja, fuq il-ġebla.  Il-ħsieb hu li bil-mod il-mod parti sostanzjali minnha tiġi mpittra… proġett li mistenni jieħu snin sħaħ”. 
L-artist urieni l-pitturi, żejt fuq it-tila, sitt piedi wisa’ bi 12-il pied tul… safrattant irrimarkali li xorta żgħar meta tqis il-kobor tal-knisja ta’ D’Amato.  “Malli titlaq int, inrambalhom u dritt għal Malta”, qalli. 
“Din hi l-ewwel darba li qed nesprimi l-istil pur tiegħi fuq skala hekk kbira”, qalilna Manuel, u żied li jħossu mkabbar li qed ikompli mal-“art nouveau” ta’ artisti kbar bħal Sciortino.  B’dan ix-xogħol, ammetta, qed jesprimi ruħu kif jixtieq; għalkemm ma jonqsux ċerti ‘kompromessi’ li jkollu jagħmel mal-kummissjonanti.  Intbaħt minnufih b’dan meta tajt daqqa t’għajn lejn l-abbozzi oriġinali. 
“Manuel jipprova jogħġob lilu nnifsu bħala artist, imma wkoll lin-nies, għax l-arti sagra titlob li x-xbieha tressqek lejn Alla u mhix espressjoni egoistika tal-artist li jifhimha hu biss”.
Dan l-aħħar Manuel tqabbad ipitter il-portraits uffiċjali ta’ personalitajiet importanti bħall-Arċisqfijiet Emeriti Ġużeppi Mercieca u Pawlu Cremona, l-Imħallef Philip Sciberras, u l-tliet Ministri għal Għawdex għall-istess Sala tal-Ministeru għal Għawdex.  Xogħol skultorju tiegħu li mistenni jiġi inawugrat fil-Milied hu bust ta’ San Ġorġ Preca għal Pjazza Indipendenza.
“Kif kulħadd għandu l-kalligrafija tiegħu, hekk ukoll l-artist”, ikkummentali qabel qbadt biex noħroġ.  Għalhekk Manuel ma jaqbilx li għandu jkun hemm kritiċi li ‘jiġġudikaw’ pittura hix tajba jew ħażina!