Filmat: Ara x’se jiġri fis-serje F’Ġieħ L-Imħabba

Wara waqfa ta’ ġimagħtejn minħabba fix-xandiriet tal-budget, is-sensiela F’Ġieħ L-Imħabba, b’kitba ta’ Michael Vella Haber u Evelyn Saliba La Rosa għal Rewind Productions, se tkun qed tkompli fuq TVM mit-Tnejn 28 ta’ Ottubru fid-8.50pm.

X’għandna nistennew mit-tielet puntata li se tixxandar nhar it-Tnejn?

Bernardo mar jiġri għand Totó biex jgħidlu x’kien ġara… x’qallu Totó? X’se jagħmlu u x’sabu meta marru hemm? Niltagħu ma’ Benito għall-ewwel darba…  min hu? X’qalu lil Ġużeppe dwar l-inbid Cuppola? Francesca kienet sejra tfittex lil Totó… lil min semgħet jitkellem u x’qal? Għaliex iħasdet? X’ġaralha minħabba f’hekk? X’qaltlu lil Totó dwar Ġużeppe?

Intant, filwaqt li hawn fuq issibu l-filmat ta’ x’nistennew li naraw fil-puntata li jmiss, hawn taħt issibu filmat u informazzjoni tal-aħħar puntata li kienet ixxandret ħmistax ilu.

Bernardo u Totó tkellmu dwar dak li kien ġara… x’opinjoni għandhom? Għaliex mhux konvinti li Karmelina kienet involuta f’xi ħaġa illegali? Concetta marret imbikkma għand Ġużeppe… x’qalilha? X’qaltlu Concetta dwar meta marret tiltaqa’ ma’ Gaetano? X’għamel bihom il-kaxxi tal-inbid Bernardo? Min kien hemm qed josservahom? X’mar jagħmel għand Ġużeppe? X’intqal wara l-funeral? Fejn mar Ġużeppe… x’sab meta daħal id-dar tagħha? Bernardo mar għand Lonza… x’ġara waqt li kien qed jiekol? Fejn mar?