Filmat: Ara x’qed jippreparaw tal-Qrendi għal Santa Marija

Membru tal-għaqda tan-nar ta’ Santa Marija tal-Qrendi, Mario Zerafa, spjega li l-festa ta’ Santa Marija ġewwa l-Qrendi tibda’ fit-30 ta’ Lulju bil-jum tal-Kwindiċina.

Il-preparamenti jkomplu fid-9 t’Awwissu bil-ħruġ tal-vara ta’ Santa Marija fuq iz-zuntier. Sakemm jintlaħaq il-qofol tal-festa fl-aħħar jumejn, propju fl-14 u l-15 ta’ Awwissu.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Mario fejn spjega kif ikunu mqassma l-aħħar jumejn tal-festa.

Lejliet il-festa, għall-ħabta tad-9:30pm jibda l-ispettaklu magħruf, The Conquest of Darkness. Dan jinkludi numru kbir ta’ murtali tradizzjonali, kif ukoll nar sinkronizzat mal-mużika. Se jkun hemm madwar nofs siegħa ta’ nar sinkronizzat u wara jibda n-nar tal-art li uħud minnhom se jkunu ssinkronizzati mal-mużika wkoll.

Qal li jispera li dak kollu li preparaw għall-udjenza jmur sew għax wara kollox dan nar hu u ma tista’ dejjem tgħid x’se jiġri.

F’jum il-festa mistenni li se jkun hemm kaxxa infernali għall-ħruġ tal-vara għall-ħabta tas-7:00pm u wara se jkun hemm il-murtali tal-għaxra li skont Mario, dawn huma magħrufa ħafna mal-poplu li jmur bi ħġaru biex jarahom.

Wieħed mill-voluntiera li jgħin fiż-żmien li tasal il-festa huwa Ġermaniż. Newsbook.com.mt tkellem ma dan il-voluntier u qal li f’dan iż-żmien tas-sena jiġi Malta apposta biex jgħin fil-preparamenti tal-murtali.

Filmat: Miguela Xuereb