Filmat: Ara x’jagħmel għall-annimali fis-santwarji qabel il-Milied

Għal Christopher Colombo ta’ 25 sena minn Birkirkara, il-Milied jiġi biex jagħmel xi ħaġa differenti mis-soltu, dik li jagħmel ġabra biex jagħmel il-festi tal-Milied differenti għal bosta annimali li jinsabu fid-diversi santwarji madwar Malta.

Dan ix-xogħol ma jagħmlux biss f’dan iż-żmien, iżda matul is-sena kollha, u ħamest ijiem qabel il-Milied, ikun qed iqassam dak li jkun irnexxielu jiġbor. Huma jagħmel tlett ġabriet fis-sena.

“Nagħmel xogħol varju matul is-sena kollha. Niġbor kutri, kennels, ikel, bowls, mediċini, u flus fost affarijiet oħra. Tlett darbiet fis-sena nagħmel ġabra kbira ta flus li jissarfu fi bżonnijiet għall-annimali fis-santwarji,” qalilna Christopher.

Christopher beda bil-ħidma volontarja tiegħu b’affarijiet żgħar meta kien isib xi annimal abbandunat jew jiġri. Kien jiġbru u jieħdu għand il-vet u wara jieħdu d-dar sakemm forsi sid l-annimali jagħmel kuntatt miegħu għax ikun tilfu, jew inkella jsiblu post.

Fost is-santwarji li jgwadu mill-ħidma volontarja ta’ Christopher hemm Noah’s Ark tal-Mellieħa, l-AAA ta’ Birżebbuġa, u s-CSAF tal-Birgu.

Ġieli dawn is-santwarji jkollhom bżonnijiet oħra bħal madum jew bricks u Chris jimpenja ruħu biex jara kif jagħmel biex isib dan il-materjal bżonnjuż biex is-santwarji ma jidħlux fi spejjeż żejda u jkun jista’ jgħinhom b’dak li jiġbor mingħand xi sponsors.

Chris isib l-appoġġ għal dan kollu minggħand Jancie, l-għarusa tiegħu kif ukoll min-nies bħal Rosalind mill-Assoċjazzjoni tal-Annimali Abbandunati (AAA) u Richard min-Noah’s Ark, kif ukoll isemmi persuni oħra bħal Maxine, Marisa, Charmaine u Sabrina.

Christopher għandu wkoll għal qalbu lill-kelb Max li kien salva madwar 9 xhur ilu u llum ma jgħaddiex mingħajru. Filfatt meta sab lil Max kien ħadu f’santwarju u kein imur jarh u wara biss ġimagħtejn spiċċa biex lil Max addottah hu.

Proprju f’dan il-perjodu tal-pandemija, aktar minn qatt qabel is-santwarji tal-annimali għandhom bżonn l-għajnuna. Għaldaqstant min jista’ jgħin b’xi flus, ikel, kutri jew mediċina għall-annimali, jista’ jibgħat lil Christopher permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook jew inkella fuq in-numru 79810681.