Filmat: Ara x’inhuma d-drittijiet tas-saħħa mentali tiegħek

Il-Kummissjoni għas-Saħħa Mentali nediet fuljett bil-għan li kull individwu ikun jaf id-drittijiet tiegħu skont il-liġi tas-saħħa mentali.

Dan il-fuljett huwa mmirat għal kulħadd l-aktar għal dawk li jirrikorru għall-għajnuna minħabba sfidi ta’ saħħa mentali kif ukoll dawk li jieħdu ħsiebhom u l-professjonisti li jaħdmu magħhom.

Dan il-fuljett huwa disponibbli kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Il-Liġi tas-Saħħa Mentali tinkludi lista ta’ 19-il dritt li wieħed għandu jistenna meta jagħmel użu mis-servizzi ta’ saħħa mentali. Dawn id-drittijiet jinkludu l-prinċipji tad-dinjità, rispett tal-persuna mingħajr distinzjoni tas-severita` tal-kundizzjoni kif ukoll id-dritt għal informazzjoni fl-aktar sens wiesa` tiegħu. Il-persuna li tkun qiegħda tingħata l-għajnuna minħabba s-saħħa mentali tagħha għandu jkollha sehem attiv fit-tfassil u t-twettiq tal-pjan ta’ kura tagħha u huwa dmir tal-professjonist li jirrispettaw id-drittijiet tal-persuna.

Dan il-fuljett jagħti spjegazzjoni dwar l-irwol tal-Kummissarju fil-ħarsien ta’ dawn id-drittijiet kif ukoll deskrizzjoni dwar xi tfisser kura volontarja u kura involontarja.

Dan il-fuljett qiegħed jitqassam b’xejn mill-uffiċju tal-Kummissarju tas-Saħħa Mentali. Wieħed jista’ jsib verżjoni elettronika fuq is-sit tal-Uffiċju bl-Ingliż jew bil-Malti. Kull min jixtieq jirċievi kopja bil-posta, għandu jibgħat email bid-dettalji fuq mentalhealthcommissioner.health@gov.mt jew jagħmel kuntatt fuq il-paġna ta’ Facebook