Il-membri tal-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ f’Għawdex f’dawn l-aħħar ġranet waqt li ‘magħluqa’ fi djarhom, kebbsu aktar ix-xewqa li jingħaqdu flimkien ifaħħru lil Alla b’għanja ħierġa minn bejn l-erba’ ħitan ta’ djarhom.
Fi sħab mas-Santwarju Ta’ Pinu, għall-festa tal-Lunzjata, il-Kor nieda għanja sabiħa lill-Madonna b’talba ħerqana biex taqbeż għalina f’dan iż-żmien ta’ tiġrib.
“Marija mill-Mard Ħarisna” hi miktuba apposta bil-Malti fuq il-mużika tal-kanzunetta “Maria Vogliamo Amarti” tal-grupp Taljan Gen Verde. Wara li ndaqqet fuq il-pjanu minn Mariella Spiteri Cefai, f’temp ta’ nofstanhar tkantat minn ġewwa d-djar ta’ membri tal-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ (Għawdex).
Simon Rapa u oħtu Amy għaqqdu u editjaw l-għanja f’dan il-filmat.
Hu mifhum li dan huwa biss bidu ta’ proġett Marjan mid-djar. Kantanti, bands, gruppi u korijiet Għawdxin qed jiġu mħeġġa biex huma wkoll jieħdu l-inizjattiva u jkantaw innu jew għanja lill-Madonna sabiex jiġu mtellgħa fuq il-Paġni ta’ Facebook tad-Djoċesi ta’ Għawdex u tas-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu.
L-innijiet f’verżjoni awdjoviżiva għandhom jintbagħtu lil fpattard@gozodiocese.org.