Filmat: Ara x’għandek tagħmel jekk tordna xi ħaġa mir-Renju Unit

Read in English.

Il-MaltaPost qed tinforma lill-pubbliku bil-bidliet li ġab miegħu Brexit b’rabta mal-oġġetti mixtrijin mill-Maltin online mir-Renju Unit.

F’email li bagħtet lill-klijenti tagħha, il-MaltaPost spjegat li wara tmiem il-perjodu tranżitorju ta’ Brexit fil-31 ta’ Diċembru li għadda, kull oġġett li jiġi esportat mir-Renju Unit irid jgħaddi mill-formalitajiet kollha tad-Dwana. Għalhekk mill-1 ta’ Jannar, meta xi ħadd jixtri oġġett mir-Renju Unit u jinġieb Malta bis-servizz tas-SendOn, jeħtieġ li dak li jkun jiddikjara kull oġġett li jkun oriġina minn dan il-pajjiż.

Kif l-oġġett jasal fil-hub tal-MaltaPost fir-Renju Unit, din tinforma lill-klijent b’email u titolbu jiddikjara l-oġġett għad-Dwana billi jtella’ l-fattura fil-portal tal-MaltaPost. Jekk ma jkunx iddikjarat, l-oġġett ma jkunx jista’ jinħeles mid-Dwana.

Meta l-oġġett jasal Malta, id-Dwana tagħmel spezzjoni tal-oġġett u tista’ titlob lill-klijent biex jipprovdi aktar informazzjoni, inkluż il-prova ta’ ħlas. Meta l-oġġett jinħeles mid-Dwana, imbagħad, il-klijent jirċievi email biex iħallas ir-rata tas-SendOn, kif ukoll il-ħlas applikabbli tal-VAT, Dwana jew Dazju. Malli jasal il-pagament, l-oġġett jintbagħat għand il-klijent. 

Il-pjan ta’ azzjoni tal-Gvern għal Brexit
In-negozji huma mħeġġa jippreparaw għal Brexit bla ftehim