Filmat: Ara taqtax dawn il-ħwejjeġ moħġaġa

Daqqa tidher u daqqa le,
Kulħadd għandu minnha,
Imma mhux kulħadd japprezzaha.

Tbissima.

Din hi biss waħda mill-ġabra ta’ 500 ħaġa moħġaġa li rnexxielha tiġbor Michela Saliba fit-teżi tagħha “Il-Ħaġa Moħġaġa: Analiżi Lingwistika” li għamlet fi tmiem il-kors ta’ Baċellerat fil-Malti fl-Università ta’ Malta.

Nhar il-Ħamis, 18 t’Ottubru, Michela ppreżentat ix-xogħol tagħha waqt taħdita li tat bħala parti mis-serje It-Tradizzjoni Orali, proġett tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università.

Michela stqarret ma’ Newsbook.com.mt li ma kinitx konvinta mill-ewwel li xtaqet tiffoka l-istudju tagħha fuq il-ħaġa moħġaġa, logħba bil-kliem li ilha tintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra għal mijiet ta’ snin. Iżda hi u taqra l-ġabra ta’ ħwejjeġ moħġaġa tal-folklorista Ġużè Cassar Pullicino, iltaqgħet ma’ appell li għamel hu fi tmiem il-ktieb tiegħu, biex xi ħadd ikompli jiġborhom jew jgħaddihomlu jekk ikun jaf uħud ġodda. Peress li Cassar Pullicino ħalliena xi snin ilu, Michela ħasset il-ħtieġa, meta qrat dak l-appell, li tkompli tiġbor il-ħwejjeġ moħġaġa hi, li qatt ma kien sar studju dettaljat fuqhom.

Michela mhux biss irnexxielha tkompli mal-wirt ta’ Cassar Pullicino, iżda rduppjatu, u aktar, billi Cassar Pullicino kien irnexxielu jiġbor 187 ħaġa moħġaġa, mentri Michela, fil-ġabra tagħha, ġabret 500, b’dawk ta’ Cassar Pullicino inklużi.

Meta jkollok bżonnha tarmiha,
Meta ma jkollokx bżonnha terfagħha.

Ankra.

Hija daret diversi lokalitajiet f’Malta, tistaqsi lil nies ta’ 40 sena u fuqhom jekk jafux b’xi ħaġa moħġaġa marbuta ma’ kelma partikolari, tgħidilhom il-kelma u jgħiduhielha. Iżda  kien hemm ħafna li ma kinux jafu x’jiġifieri ħaġa moħġaġa, li ma ġithomx waħda f’moħħhom dak il-ħin jew li nesewhom. L-aktar lokalitajiet li rnexxielha tiġbor ħwejjeġ moħġaġa minnhom kienu r-Rabat u Ħad-Dingli.

Minkejja dawn l-isfidi, Michela rnexxielha takkumula lista ġmielha, li mbagħad, fit-teżi tagħha, qasmitha f’14-il kategorija, ngħidu aħna: Il-Ħolqien, Ikel u Xorb u Doppju Sens.

Michela qalet li minkejja li wieħed jaħseb li l-ħaġa moħġaġa għad tmut peress li ż-żgħażagħ m’għadhomx intiżi fuqha daqs dari, hija wriet fit-teżi tagħha li l-ħaġa moħġaġa, bħal-lingwa, għadha mimlija bl-għomor, peress li fil-ġabra tagħha sabet għadd ġmielu ta’ ħwejjeġ moħġaġa ġodda, li qatt ma dehru f’kotba qabel, bi wħud minnhom moderni marbuta mat-teknoloġija.