Ħafna huma dawk li kibru mal-kanzunetta Il-Merill Twitt Twitt, li biha ċ-ċkejken Stefan Galea kien ħa sehem fl-edizzjoni tal-1982 taż-Zecchino D’Oro. U proprju fil-ġimgħa li matulha qed tittella’ edizzjoni oħra f’Bologna fl-Italja, b’xandira diretta fuq Rai Uno, tajjeb li nwasslu wkoll xi ftit kurżitajiet.
Il-Merill Tweet kienet interpretata miċ-ċkejken Stefan Galea u spiċċa fis-sitt post. Din il-kanzunetta kellha l-kliem u mużika ta’ Alfred C. Sant filwaqt li l-kliem bit-Taljan kien ta’ Alberto Testa.
Stefan Galea llum m’għadux ikanta u fil-fatt huwa saċerdot u huwa l-Viċi Arċipriet tan-Naxxar. Huwa wkoll Kanonku Onorarju tal-kollegata ta’ San Pawl tal-Belt Valletta.

Minn jaf jekk qagħdx jerġa’ jitħajjar ikanta!

Il-festival taż-Zecchino d’Oro jkompli jixxandar illum il-Ħamis u għada l-Ġimgħa fl-4.30pm fuq Rai Uno, filwaqt li s-serata finali tixxandar is-Sibt fuq l-istess stazzjon fil-ħin tad-9.30pm.