Filmat: Ara l-vidjow li ħarġu Ira Losco u Michela Pace

Read in English.

Ma tantx fadal wisq biex tibda t-tieni edizzjoni tal-kompetizzjoni televiżiva X Factor Malta u filwaqt li l-istennija fost il-pubbliku Malti hija waħda kbira, bosta xhur wara t-tmiem tal-ewwel edizzjoni għadna naraw ħafna talent li ħareġ minn dan il-programm.

X Factor Malta se jibda jixxandar mill-Ħadd 6 ta’ Ottubru, iżda llum Ira Losco, li hija waħda mill-ġurati f’dan il-programm, ħarġet ukoll kanzunetta ġdida, Cannonball, bis-sehem ta’ Michela Pace, li rebħet l-ewwel edizzjoni ta’ dan il-programm.

Oriġinarjament din il-kanzunetta kienet inkluża fuq l-aħħar album li Ira Losco ħarġet No Sinner, No Saint, iżda għal dan il-vidjow saret verżjoni ġdida bis-sehem tal-kantanta Għawdxija, li apparti li rebħet l-X Factor Malta, irrappreżentat ukoll lil Malta fl-aħħar edizzjoni tal-Eurovision Song Contest fejn ikklassifikat fit-12-il pożizzjoni.

Il-vidjow inġibed barra minn xtutna kif ukoll f’Malta.

Iż-żewġt kantanti diġà kantaw il-kanzunetta live f’wieħed mill-kunċerti ta’ Ira Losco. Cannonball kienet diġà favorita mas-segwaċi ta’ Ira però kienu eċċitati meta semgħu li l-kantanta Għawdxija kienet se tikkollabora fuq din is-silta.

Ira Losco għandha sena impenjata fejn għal darb’ oħra se tkun parti mill-ġurija tal-XFactor Malta matul it-tieni staġun. Hemm ukoll proġett interessanti ferm li se jitħabbar fiż-żmien li ġej.

Ira Losco hija waħda mill-artisti fil-Mediterranean Stars Festival organizzat minn Radio Italia nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Ottubru. Ira stiednet lil Michela tkanta Cannonball magħha akkumpanjati mill-Meditteranean Orkestra taħt it-tmexxija ta’ Bruno Santori.