Filmat: Ara kif tista’ ssir is-Sindku taż-Żejtun

L-għaqda taż-żgħażagħ Żejtun Organisation to Empower You (ŻOEY) fi ħdan il-Kunsill Lokali taż-Żejtun nediet il-logħba edukattiva u divertenti ‘Iż-Żejtun 5.37 Kwiżż’. Din il-card game li ġiet maħluqa miż-żgħażagħ hi mmirata għall-familja kollha u tikkonsisti f’200 mistoqsija li permezz tagħhom se ddur dawra sħiħa mal-konfini taż-Żejtun, b’hekk l-isem 5.37 (il-kilometri kwadri li jħaddan iż-Żejtun u l-Parroċċa ta’ Santa Katerina). F’inqas minn ġurnata li ġiet imnedija din il-logħba diġà diversi persuni marru biex ħġarhom biex jakkwistaw din il-logħba mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun.

Din il-logħba li hi f’pakkett ikkulurit hi maqsuma f’erba’ kategoriji differenti li l-għan tal-għaqda kien li jagħti ġieħ lill-Istorja, il-Kultura, il-Personaġġi, u l-Patrimonju taż-Żejtun, filwaqt li tkun xi ħaġa divertenti. Ħafna se jkunu dawk li jirsistu biex jgħaqdu il-punti, hekk kif dak li se jirnexxilu  jgħaqqad l-ewwel mitt punt se jingħata t-titlu tas-Sindku taż-Żejtun. Interessanti, li għal kull mistoqsija u tweġiba tista’ tiskenja l-kodiċi QR li se jkunu fuq il-card bil-mobile jew it-tablet tiegħek, fejn taċċessa l-informazzjoni permezz tal-internet. Għaldaqstant dan se jwassal biex il-pubbliku jkun jista’ jitgħallem aktar dwar il-ħsieb wara dik il-mistoqsija u t-tweġiba, mhux sempliċiment ġab il-mistoqsija tajba jew ħażina.

Dawk li se jkunu qed jilagħbu din il-logħba se jżuru diversi festi li jiġu ċċelebrati, bla ma jonqos se jieqfu waqfa għal xi tazza te, u pastizz, biex jisimgħu ftit għana, u jxommu l-irwejjaħ tal-fran. Għalkemm se jmorru lura fis-snin minn fejn ġejjin l-għeruq taż-Żejtun u Żwieten, se jkunu qed jiġu onorati personaġġi Żwieten, u wieħed se jkun jista’ japprezza l-mod kif għadhom jgħixu ż-Żwieten, x’suċċessi għamlu, u x’ġennati ġieli ġew f’moħħhom.

Barra minn hekk, dawk li se jkunu qed jilgħabu din il-logħba huma mħeġġa li jiġbdu stessu u jtellgħuh fuq il-paġna tal-logħba www.facebook.com/zejtunkwizz fejn ‘il quddiem jistgħu jirbħu xi rigali wkoll. Għaldaqstant, il-pubbliku se jkun jista’ jsib aktar informazzjoni interessanti fuq din il-paġna b’aġġornamneti u kurżitajiet ta’ kuljum.

L-għaqda mhux se tagħmel l-ebda profitt minn din il-logħba, iżda l-għan tagħha hu li l-pubbliku jieħu gost fl-istess waqt ikun konxju tal-affarijiet li toffri din il-belt u jżommu l-identità Żejtunija għal qalbhom.

Għal aktar informazzjoni tistgħu ċċemplu lill-Kunsill Lokali taż-Żejtun fuq 2166 3866 jew ibgħat e-mail fuq chircop.sean@gmail.com.