Filmat: Ara kif tista’ bil-GPS turi l-post għal tal-Emerġenza

Read in English.

Il-Gvern nieda app ġdida li biha wieħed jista’ juża l-GPS tal-mobile biex jindika l-post fejn ikun hemm bżonn l-għajnuna tas-servizzi tal-emerġenza.

Fi stqarrija, il-Ministeri għall-Edukazzjoni u għall-Intern nedew verżjoni ġdida tal-app 112MT.

Intqal li l-verżjoni l-ġdida tal-app 112MT se toffri mezz effiċjenti biex wieħed ikun jista’ jagħmel kuntatt faċilment mal-Pulizija, mal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM), mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD), u mal-isptar.

Fost il-faċilitajiet li toffri din l-app, hemm is-servizz ta’ lokalizzazzjoni, ladarba jiġi stabbilit kuntatt mas-servizzi tal-emerġenza. B’hekk, il-GPS jindikalhom fejn iridu jmorru biex jagħtu l-għajnuna tagħhom. L-app toffri wkoll assistenza mhux verbali permezz ta’ icons informattivi għal persuni neqsin mis-smigħ, fejn wieħed jista’ jindika x’tip ta’ għajnuna għandu bżonn, pereżempju theddida għall-ħajja jew nirien fid-dar. 

Waqt attività organizzata fl-iskola primarja tal-Fgura fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew tal-112, il-Ministru Byron Camilleri semma li fis-sena 2019, fis-sala tal-kontroll tal-112 daħlu 382,747 telefonata, filwaqt li l-iktar servizz mitlub kien l-assistenza medika b’madwar 56,055 telefonata. Madanakollu, il-ministru spjega li 79% tat-telefonati li daħlu għand il-112 ma kellhomx x’jaqsmu ma’ emerġenza.

L-app 112MT tista’ titniżżel minn Google Play Store jew mill-Apple Store.