Filmat: Ara kif se jiġu megħjuna l-familji tal-priġunieri

Programm ġdid mill-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl

Il-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl iffirmat ftehim mal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi sabiex jibda programm li huwa maħsub biex jgħin lill-familji tal-priġunieri. Dan il-ftehim huwa mmirat li jgħin lill-priġunieri u lill-familja tagħhom jaffaċċjaw l-isfidi li ġġib magħha sentenza ta’ priġunerija.

F’kumment li George Busuttil mill-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl ta lil Newsbook.com.mt qal li bħala fondazzjoni mill-bidu għarfet li ma tistax tagħti għajnuna lill-priġunier u teskludi lill-familja. Żied li minn Jannar se tibda ħidma diretta fuq dan il-programm li tinkludi terapija kemm lill-priġunier kif ukoll lill-familja.  

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega li dan il-programm huwa mmirat biex tonqos il-probabbiltà li persuna terġa’ tagħmel reat u għalhekk dan iwassal biex ikun hemm inqas vittmi fis-soċjetà.

Dan il-proġett se jsir b’investiment ta’ nofs miljun ewro li se jkunu mqassmin fuq medda ta’ tliet snin. Permezz ta’ dan il-ftehim se jiġu ingaġġati aktar professjonisti biex b’hekk il-priġunier u l-familja jingħataw l-appoġġ li jeħtieġu.  Dawn jinkludu sessjonijiet ta’ terapija, sessjonijiet ta’ parenting education, psikoterapija individwali u speċjalizzata u terapija fi gruppi.

Il-Ministru Camilleri qal li r-riċerka turi li wieħed minn kull tliet persuni li jidħlu l-ħabs f’Malta kellhom lil xi ħadd fil-familja li kien il-ħabs. Saħaq li, “huwa fid-dover tagħna bħala soċjetà li filwaqt li ma ninsew qatt il-ġustizzja mal-vittma, nassiguraw aktar opportunitajiet ta’ integrazzjoni kemm għall-priġunieri meta jerġgħu jsiru parti mill-komunità wara li jiskontaw is-sentenza tagħhom kif ukoll għall-familji tagħhom li jsofru minn esklużjoni soċjali.”   

It-terapista tal-familja Charles Azzopardi fisser l-impatt fuq il-familja li ġġib sentenza ta’ priġunerija u elenka l-benefiċċji ta’ programm ta’ dan it-tip li issa jibda jitħaddem minn kmieni s-sena d-dieħla.

F’Novembru li għadda Newsbook.com.mt tkellem ma’ mara li r-raġel tagħha jinsab fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Hija esprimiet id-dieqa u r-rabja tagħha għal kif qed jiġi trattat żewġha li spiċċa l-ħabs wara li nqabad jisraq biex isostni l-vizzju tad-droga.