Filmat: “Ara kif nistgħu ngħallmu!”

L-għalliema u l-istudenti tal-Middle School fir-Rabat Għawdex qed jittamaw li minn għada tinżamm il-wegħda li waqt il-ħinijiet tal-iskola, ma jibqa’ jsir l-ebda xogħol ta’ kostruzzjoni fuq proġetti tal-Gvern. Dan minħabba li qed jaffettwalhom kemm it-tagħlim kif ukoll saħħithom.

Għalliema li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt fl-aħħar jiem qalu li minkejja l-wegħdi li se jieqaf, ix-xogħol baqa’ għaddej waqt il-ħinijiet tal-iskola. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni kien qal ma’ dan is-sit, li x-xogħlijiet mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) isiru wara l-ħin tal-iskola. Żied jgħid li ma rċevew l-ebda lmenti dwar ix-xogħol li għaddej minn naħa tal-Ministeru għal Għawdex.

“Lanqas nisimgħu l-vuċi tagħna stess”

L-għalliema saħqu li waqt il-lezzjonijiet lanqas ikunu jistgħu jisimgħu l-vuċi tagħhom stess bl-istorbju li jidħol mit-twieqi. Madanakollu “xorta bqajna bit-twieqi miftuħin biex nosservaw il-protokolli li ddaħħlu minħabba l-Covid-19″.

Waħda mill-għalliema qalet ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet li l-filmat li nġibed minn waħda mill-klassijiet tal-iskola, huwa biss 19-il sekonda ta’ dak li jgħaddu minnu kuljum. Żiedet tgħid li kull darba li ġew infurmati l-awtoritajiet, ix-xogħol kien jieqaf għal xi siegħa jew tnejn u jerġa’ jibda.

Ix-xogħol jinsab għaddej fuq żewġ naħat: il-bini ta’ Skola Primarja ġdida u xogħol fuq il-proġett tal-pixxina n-naħa tal-Kumpless Sportiv.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-Kap tal-Iskola ġiet infurmata li wara l-btajjel ta’ Novembru, il-lezzjonijiet se jkunu jistgħu jsiru mingħajr storbju u trab mill-makkinarju.

Ġenitur jew għalliem/a?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna l-esperjenza tiegħek dwar din is-sena skolastika fuq info@newsbook.com.mt