Filmat: Ara kif miexi x-xogħol fuq Triq Bormla

Infrastructure Malta nediet it-tieni fażi tal-proġett ta’ Triq Bormla li tinkludi Korsija ġdida għar-roti u passaġġ għall-mixi maġenb il-karreġġjata għall-karozzi l-ġdida li tlestiet ix-xahar li għadda.

Din it-triq li riċentement sar jisimha Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok hija r-rotta ewlenija bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun. Hija magħrufa wkoll bħala “taċ-Ċawsli” minħabba s-siġar li hemm f’nofsha. Fi stqarrija ġie spjegat li din it-triq tintuża ħafna minn persuni li jgħixu jew jaħdmu fil-lokalitajiet tal-inħawi fosthom Ħal Tarxien, il-Fgura, Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun, il-Qasam Industrijali ta’ Bulebel u l-Kottonera.

Skont Infrastructure Malta it-triq kienet tħalliet fi stat ħażin għal snin twal, iżda x-xogħol li sar issa wassal sabiex ikun hemm karreġġjata b’żewġ korsiji għall-karozzi fuq naħa, il-faċilitajiet għar-roti u l-mixi n-naħa l-oħra, waqt li bejniethom se jkun hemm passaġġ bis-siġar taċ-ċawsli. It-triq ġdida se tinkludi wkoll għadd ta’ waqfiet għall-karozzi tal-linja aktar siguri għal dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku. 

Ġie spjegat li l-karreġġjata issa hija miftuħa biss fid-direzzjoni miż-Żejtun lejn Ħaż-Żabbar, waqt li l-parti l-oħra tat-triq hija magħluqa biex tinbidel f’korsija għar-roti fiż-żewġ direzzjonijiet u passaġġ pavimentat għall-mixi. It-triq kollha mbagħad se terġa’ tinfetaħ fiż-żewġ direzzjonijiet qabel is-sajf, malli titlesta t-tieni fażi tal-proġett.