Filmat: Ara kif it-tfal laqgħu lil Justine f’San Ġwann

L-istudenti tal-Iskola Primarja ta’ San Ġwann fi ħdan il-Kulleġġ Santa Klara dalgħodu laqgħu lil Justine Shorfid, waħda mill-finalisti tal-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ X-Factor Malta. Dan peress li llum kienet casual day f’din l-iskola u Justine kienet mistiedna biex tkanta u toħloq atmosfera ta’ briju fost dawn l-istudenti.

Justine, li f’X Factor Malta  nhar is-Sibt li għadda kklassifikat fit-tieni post, intlaqgħet b’kartelluni u briju mill-iċken student tal-Kindergarten sal-ikbar student tas-sitt sena tal-primarja.

Il-qofol taż-żjara ta’ Justine ntlaħaq meta flimkien mal-istudenti kantat il-kanzunetta Dance Monkey.

It-tfal donnhom li kienu preparati sew għal din iż-żjara ta’ Justine Shorfid fl-iskola tagħhom.

It-tfajla Maltija mhux biss kklassifikat fit-tieni post waqt it-tieni edizzjoni ta’ X Factor Malta iżda qed jirnexxielha tiġbed l-attenzjoni wkoll barra minn xtutna, hekk kif is-sit soċjali ta’ X Factor Global qed ixerred il-filmati tal-wirjiet li hija tat waqt il-programm X Factor Malta.