Filmat: Ara kif għandek tikteb kliem mill-Ingliż fil-Malti

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti ppubblika Deċiżjonijiet 2, li huma linji gwida għall-Maltin dwar kif għandhom jiktbu kliem ġej mill-Ingliż fil-Malti.

Wara Deċiżjonijiet 1, li l-Kunsill ippubblika fl-2008 biex jikkjarifika kif għandu jinkiteb ċertu kliem li joħloq diffikultà fil-Malti, pereżempju varjanti ortografiċi bħal “fil-għodu” u “filgħodu” li saret dejjem tinkiteb “filgħodu,” kien imiss li l-Kunsill jindirizza l-kwistjoni ta’ kif għandu jinkiteb il-kliem ġej mill-Ingliż fil-Malti.

Dawn id-Deċiżjonijiet il-Kunsill ma ħadhomx waħdu, iżda ħatar 2 kumitati li f’10 snin, kellhom aktar minn 50 laqgħa ta’ 3 sigħat il-waħda, u kkonsultaw direttament mal-pubbliku permezz ta’ seminars, laqgħat, u anke telefonati u kuntatt fuq il-midja. Minn dawn il-konsultazzjonijiet pubbliċi, il-Kunsill innota 2 preferenzi partikolari tal-pubbliku:

  1. Li l-pubbliku mhux komdu b’ortografija li titbiegħed wisq viżwalment mill-kelma oriġinali bl-Ingliż
  2. Li l-pubbliku ma jħossx li hemm għalfejn li kliem li jitħalla miktub bl-Ingliż ikun immarkat bil-korsiv (italics) jew virgoletti

Għalhekk, meta wieħed jiġi biex juża kelma Ingliża bil-Malti, l-ewwel għandu jara jekk hemmx kelma Maltija li taqdih, jiġifieri għandha tibqa’ tintuża l-kelma “ġirien,” mhux “neighbours.” Madankollu, din ir-regola ma tgħoddx f’kelma bħal “date,” li fit-tifsira ta’ data tal-ġurnata, għandna l-kelma “data” bil-Malti li taqdina u għandha tibqa’ tintuża, iżda fil-każ ta’ “date” bejn 2 persuni, għandna nużaw date, u ma niktbuhiex bil-virgoletti jew bil-korsiv, u lanqas ma niktbuha bħala “dejt,” għax din titbiegħed viżwalment minn kif drajna narawha bl-Ingliż.

U l-kliem Ingliż li neħtieġu, kif niktbuh bil-Malti?

  • Kelma ġejja mill-Ingliż għandha tinkiteb bil-Malti meta din tkun qagħdet għall-grammatika Maltija, pereżempju meta tiġi kkonjugata fil-plural, bħal “dixx” li fil-plural ngħidu “dixxijiet.” L-istess isir għall-verbi li jkunu kkonjugati skont il-grammatika Maltija, bħal “iċċarġja.”
  • Kliem kompost minn 2 kelmiet jew iktar għandu jibqa’ jinkiteb bl-Ingliż, jiġifieri niktbu “handbag,” “roundabout,” “part-time,” “fire extinguisher,” “washing machine,” imma mingħajr il-virgoletti.
  • Kliem mill-Ingliż li mhux magħġun fil-grammatika Maltija u mhux kompost jista’ jew jitħalla kif inhu, bħal “cooker,” jonkella jinkiteb skont ir-regoli tal-ortografija Maltija, “kuker.” F’dal-każ, il-Kunsill jinsisti li l-kittieba għandhom ikunu konsistenti fil-kitba tagħhom u jekk jiktbu kelma mod, jibqgħu jiktbuha bl-istess mod tul il-kitba kollha.

Tista’ tara r-rapport kollu tad-Deċiżjonijiet 2 hawnhekk.

Tista’ tara sommarju tad-Deċiżjonijiet 2 hawnhekk.