Il-ħasil tal-idejn huwa wieħed mill-għadu tal-coronavirus. Tajjeb li wieħed jaħsel idejh spiss sabiex kemm jista’ jkun sabiex jiġi evitat dan il-virus milli jkompli jinxtered.
Il-professjonista fil-qasam tas-saħħa Melanie Zammit Burg tellgħet filmat fuq il-profil tagħha ta’ Facebook li juri kif persuna għandha taħsel idejha tajjeb.
Hija spjegat li l-isem tal-virus huwa SARS-CoV-2 li huwa magħmul minn ammont żgħir ta’ informazzjoni ġenetika li tissejjaħ RNA li tinsab ġewwa borża li tissejjaħ membrane. Din il-borża hija magħmula mix-xaħam. Madwaru għandu ħafna protein spikes qishom kuruna li dawn jintużaw bħala ċavetta biex jidħol fiċ-ċelloli tal-għadu tiegħu kif ukoll biex jinħeba mis-sistema immunitarja tal-persuna.
Il-membrane tax-xaħam huwa dak li jdgħajjef lil dan il-virus minħabba li s-sapun iħoll ix-xaħam.
Zammit Burg flimkien ma’ persuna oħra tagħti sitt passi ta’ kif wieħed għandu jaħsel idejh skont id-direttivi tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa kif ukoll tal-Infection Control Unit f’Malta. Importanti li l-ewwel tiftaħ l-ilma u xxarrab idejk sewwa u togħrok bis-sapun jew hand wash sakemm ikollok biżżejjed ragħwa. Wara għandek issegwi dawn is-sitt passi dwar kif għandek taħsel idejk sew:
- Ogħrok il-pala tal-id sew
- Ogħrok wara l-pala tal-id taż-żewġ idejn kif ukoll bejn is-swaba’ u għaqqad il-pala tal-id u erġa’ ogħrok sew bejn is-swaba’
- Ogħrok taħt is-swaba’ l-ewwel naħa mbagħad oħra
- Ogħrok sew is-saba’ l-kbir taż-żewġ idejn
- Ogħrok sew taħt id-dwiefer
- Ogħrok sew il-polz taż-żewġ idejn
Wara li tagħmel din il-proċedura laħlaħ idejk u xxottahom u wara agħlaq il-vit bix-xugaman jew il-karti tal-idejn.
Permezz ta’ din il-proċedura wieħed ikun qed inaqqas ir-riskju li jkompli jinfirex dan il-virus.
Fi stqarrija aktar kmieni, is-Supretendent tas-Saħħa ħabbret li f’Malta hawn 10 każijiet ġodda tal-coronavirus. Minn dawn pazjent jinsab f’qagħda kritika fl-ITU.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.