Filmat: Ara ferħ ta’ għasfur jiġi salvat

Dan is-Sajf, BirdLife Malta rċeviet numru rekord ta’ 10 Runduni li nstabu minn membri tal-pubbliku. BirdLife Malta rringrazzjat lill-pubbliku tal-għajnuna tiegħu biex ikunu salvati frieħ t’għasafar abbandunati.

Il-frieħ, li nstabu barra mill-bejta, ingħataw kura 24 siegħa kuljum minn staff u voluntieri ta’ BirdLife Malta sakemm ħadu lura saħħithom biex ikunu jistgħu jerġgħu jinħelsu. BirdLife Malta ppubblikaw filmat relatat ma din il-ħidma siewja li jagħmlu l-istaff u l-voluntiera.

Kull sena, BirdLife Malta tirċievi numru kbir ta’ għasafar feruti, u tul is-sajf, l-aktar għasfur komuni li jkun jinħtieġ l-għajnuna jkun ir-Rundun. Din l-ispeċi żżurna kull sena biex tbejjet fi nħawi bħall-Imdina, Ta’ Sliema, San Ġiljan u San Ġwann.

BirdLife qed tappella lill-pubbliku biex jekk isibu għasafar diżorjentati, feruti jew f’diffikultà huma mitluba jċemplu fuq 2134 7645/6 fil-ħinijiet tal-uffiċċju, jew  fuq 7925 5697 barra l-ħinijiet tal-uffiċċju.