Filmat: Aqdef bir-rota u ffranka mill-kont tad-dawl

Int x’lest tagħmel biex tiffranka ftit flus mill-kont tad-dawl?

Timmaġinak ikollok taqdef nofs siegħa bir-rota biex tixgħel il-kitla u tagħmel kikkra cafe?

Jew inkella jkollok taqdef biex tixgħel bozza, tiċċarġja l-mowbajl jew inkella ddawwar il-fan?

Lyanne Mifsud, studenta tal-Arkitettura, irnexxielha tibni dar li biex jaħdmu l-appliances tagħha, ikollok tqatta’ minn tal-inqas ftit minuti taqdef bir-rota.

Id-dar li jisimha Light Up My House  se tkun magħmula minn 180 paletta tal-injam, mill-ġimgħa d-dieħla se tkun armata u tintuża fil-Barrakka ta’ Fuq waqt Science in The City u n-Notte Bianca. 

Fi kliem Lyanne, l-għan ta’ Light Up My House hu biex in-nies japprezzaw ferm aktar l-importanza tal-elettriku u jitgħallmu biex ma jaħlux dawl.

B’kollox se jintużaw seba’ roti biex jinxtegħlu ħames appliances differenti.

Biex tixgħel il-kitla jew il-magna li tagħmel il-popcorn hemm bżonn li żewġ persuni jaqdfu l-ħin kollu.  Il-fann, iċ-charger tal-mowbajl u l-food processor se jkollhom imqabbda magħhom rota waħda kull wieħed.

 

Għal iktar informazzjoni dwar Light Up My House tista’ tidħol fil-paġna fuq Facebook: https://www.facebook.com/events/681092541919829/?fref=ts