Filmat: Approvata l-applikazzjoni għall-proġett tal-Kumpless Sportiv tal-Hibernians Football u Rugby

Read in English.

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat l-applikazzjoni sabiex jinbena kumpless sportiv ġdid għal-logħob tal-football u rugby f’Kordin, b’investiment ta’ €7.2 miljun. Dan il-kumpless sportiv mistenni jagħti spinta lid-dixxiplini sportivi tal-football u r-rugby, hekk kif se jkun l-ewwel kumpless tax-xorta tiegħu f’pajjiżna, mibni skont l-istandards tal-UEFA u anke tal-IRB.

Projects Plus Limited fi ħdan il-Ministeru tat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali qed tieħu ħsieb dan il-proġett li ser jinbena fuq medda ta’ art abbandunata f’Kordin li tkopri mal-15,000 metru kwadru.

Apparti l-pitch li se jinbena skont standards internazzjonali, dan il-kumpless sportiv mistenni jinkludi wkoll faċilitajiet professjonali fejn jista’ jsir taħriġ f’dawn id-dixxiplini sportivi, changing rooms, conference room, press room, uffiċini, ristorant u snack bar, kif ukoll stand li ser tesa’ mas-700 spettatur.

Il-proġett huwa maqsum fi tliet stadji ewlenin, bl-ewwel stadju jkun dak tal-iskavar tas-sit, it-tieni stadju mistenni jinkludi l-bini tal-pitch u ż-żona ta’ parkeġġ għall-vetturi, u l-aħħar fażi li ser tinkludi l-bini tal-viewing stand u faċilitajiet oħrajn.  

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg sostna li dan huwa proġett ieħor b’risq il-komunitajiet sportivi ta’ pajjiżna. “Dan l-investiment huwa wieħed importanti mhux biss għax qed jirriġenera ż-żona ta’ Kordin iżda għax qed jgħolli wkoll l-istandards tal-faċilitajiet sportivi, faċilitajiet li wkoll jattiraw klabbs sportivi internazzjonali biex jiġu jagħmlu t-taħriġ tagħhom f’Malta kif rajna fi snin passati.”

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Projects Plus Limited l-Inġinier James Camenzuli laqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat l-applikazzjoni għall-iżvilupp ta’ dan il-kumpless sportiv u qal li dan huwa proġett importanti ħafna sabiex pajjiżna jkollu l-ewwel stadium professjonali għal-logħob tal-football u r-rugby.

Żied jgħid li Projects Plus Limited, permezz tal-esperti tekniċi tagħha, se tkun qed tassigura li dan il-proġett jitwettaq b’suċċess skont il-pjani eżistenti u fi żmien stipulat. Is-Sur Camenzuli temm jgħid li jinsab ottimist li dan il-proġett ser jgħin ukoll biex pajjiżna jattira lejh turiżmu fil-qasam sportiv.

Din l-informazzjoni hi maħruġa mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastrutura u l-Proġetti Kapitali.