Filmat: “Appoġġjaw il-kampanja biex taddottaw anzjan” – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna appella lil kulħadd biex jappoġġja l-kampanja ta’ Missio Malta u Newsbook.com.mt u jaddottaw anzjan jew anzjana, bħala parti mill-kampanja Adopt a Grandparent. Huwa qal li hija ħaġa sabiħa li jekk inkunu nafu b’xi anzjan li għandu bżonn kelma ta’ faraġ nagħtuhielu.

Il-kampanja, qal l-Arċisqof, tgħinna biex nuru kemm aħna qrib l-anzjani tagħna u kemm napprezzaw il-valur kbir li jġibulna l-anzjani bl-għerf u l-esperjenza tagħhom.

L-Arċisqof Scicluna b’hekk żdied mal-lista ta’ persuni u organizzazzjonijiet li qed jaddottaw din il-kampanja uffiċjalment magħrufa bħala ‘Adopt A Grandparent.’ Fost dawk li diġà taw l-appoġġ tagħhom insibu lill-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea Curmi, il-Ministru Michael Falzon, is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis, u r-Richmond Foundation.

Missio u Newsbook.com.mt qalu li l-inizjattiva li wieħed jaddotta anzjan tipprova toħloq pont bejn dawk li jħossu l-bżonn li jaqsmu l-għożża u l-imħabba tagħhom ma’ ħaddieħor, u dawk li għandhom bżonn kuntatt u mħabba f’ħajjithom. Kompla jgħid li din l-inizjattiva mhix intenzjonata għal finijiet materjali, imma għandha tikkonsla lil dawk li jħossuhom waħedhom.

Għal iżjed informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 21222001 jew jaċċessa s-sit https://adoptgrandparent.org/

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn