Filmat: Appell imqanqal mill-Isqof Grech

Read in English.

L-Amministratur Appostoliku għal Għawdex l-Isqof Mario Grech għamel appell imqanqal lill-poplu kollu f’filmat li ġie ppubblikat mid-Djoċesi ta’ Għawdex. Huwa ħeġġeġ biex kulħadd jibqa’ d-dar u jesgwi l-istruzzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Spjega li jekk persuna toħroġ mid-dar tagħha u tiltaqa’ ma’ oħrajn, l-Isqof Mario Grech jgħid li mhux biss tpoġġi l-ħajja ta’ ħaddieħor fil-periklu imma wkoll il-ħajja tiegħek.

F’appell li għamel waqt li qiegħed f’perjodu ta’ kwarantina, l-Isqof Grech qal li “għaddejjin minn esperjenza li waqqetilna l-maskli, neħħitilna l-make-up li kien jaħbi aħna minn aħna, u jaħbi d-dgħjufija ekonomija u soċjali tagħna”.

Huwa qal li meta l-Knisja għalqet il-knejjes u waqqfet il-Quddies fuq direzzjoni mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, għamlet dan għax trid tħares il-ħajja u għax tħobb lill-poplu.

Qal li bħalissa ħafna nies qed juru l-imħabba tagħhom b’turija ta’ solidarjetà mal-anzjani u mal-foqra. Qal li din tagħmel il-qalb u ġieħ lill-Maltin u l-Għawdxin hekk kif l-għajnuna tkun qed tintwera ma’ dawk li f’din is-sitwazzjoni sabu darhom mal-ħajt.

L-Isqof Grech fakkar li l-Awtoritajiet assiguraw li dak li huwa meħtieġ mhux se jiskarsa għalhekk qal li m’hemmx għalfejn niffullaw u nżarmaw l-ixkafef tal-ħwienet. Qal li jekk nagħmlu hekk ibati l-fqir li m’għandux il-mezzi biex jaħżen fid-dar tiegħu.

Huwa qal li dan il-mument fakkarna kif il-ħajja tal-bniedem ma nistgħux noħduha forgrnated u mhix daqshekk irħisa.

F’apprezzament lil dawk li qed jagħtu s-sehem tagħhom biex l-imxija tal-coronavirus tiġi mrażżna, l-Isqof Grech sellem lit-tobba, lill-infermiera u lil dawk kollha li qed jaħdmu fl-isptarijiet kif ukoll lil dawk li qed jagħmlu r-riċerka u lill-forzi tal-ordni. Sellem ukoll lill-politiċi li qed jindirizzaw il-problemi li qed iġib miegħu l-mard.

Huwa għamel messaġġ ta’ apprezzament ukoll lis-saċerdoti u lill-Kappillani li qal li huma t-tobba spiritwali tal-poplu li qed jakkumpanjaw lill-poplu f’dawn il-mumenti diffiċli. Temm jgħid li bl-għajnuna ta’ Alla se noħorġu minn din is-sitwazzjoni u għalhekk ħeġġeġ għal aktar talb biex ikun hemm it-tama.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn