Filmat: Anzjani jaħdmu rigali għal tfal bil-kanċer

L-anzjani li jattendu ċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva fil-Mosta u ż-Żurrieq preżentaw donazzjoni ta’ rigali li ħadmu b’idejhom, kif ukoll ammont ta’ flus, biex jitqassmu lit-tfal li bħalissa jinsabu għal-kura minħabba l-marda tal-kanċer fl-isptar Sir Anthony Mamo. Dawn ir-rigali ngħataw lir-rappreżentanti ta’ Puttinu Cares. Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia attenda għal din l-inizjattiva.

Il-Ministru Michael Farrugia faħħar l-għajnuna li jagħti Puttinu Cares, kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta, u qal li minn esperjenzi li kellu meta żar id-dar ta’ Puttinu fir-Renju Unit, seta’ jara mill-qrib is-servizzi eċċezzjonali li jiġu offruti hemmhekk. Żied li l-gvern se jkun dejjem lest joffri l-għajnuna tiegħu biex jestendi dawn is-servizzi u saħaq fuq il-koperazzjoni bejn dipartimenti differenti għax b’hekk biss wieħed jista’ jirnexxi u jkompli jssaħħaħ l-anzjanità  attiva.

Il-Ministru żied jgħid li din is-sena ma kinitx sena faċli għal Gżejjer Maltin speċjalment għall-anzjani u għalhekk, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li jara li inizjattivi bħal dawn jgħinu biex l-anzjani li jattendu ċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva isibu sens f’dawn il-ġranet ta’ sfida kif ukoll jagħmlu l-kuraġġ. Huwa kompla li, “meta bniedem ikollu skop f’ħajtu, ikollu għal xiex jgħix u attivitajiet bħal dawn li qed isiru fiċ-ċentri ta’ matul il-jum qed iservu biex jimlew il-vojt fil-ħajja ta’ ħafna anzjani.”

Farrugia temm jgħid li dawn ir-rigali huma magħmulin mill-qalb u żgur se jferrħu lit-tfal li jinsabu fl-Isptar tal-Onkoloġija, Sir Anthony Mamo.

Għal din l-attività attendew l-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità Dr Renzo Degabriele, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Celia Falzon, kif ukoll Angele Cuschieri f’isem Puttinu. Attendew ukoll ir-rappreżentanti taċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva fil-Mosta u ż-Żurrieq  f’isem l-anzjani li ħadmu r-rigali.