Filmat: “Ansjetà, biża’ u eċitament”; 20 Malti lesti għall-isfida tal-Kilimanjaro

20 persuna se jkunu qed jipparteċipaw fit-12-il edizzjoni tal-Kilimanjaro Challenge sabiex jitilgħu t-tieni l-ogħla muntanja fid-dinja sal-aħħar ta’ din is-sena u intant jiġbru fondi għall-komunità Etijopjana. Meta mistoqsijin dwar kif qed iħossuhom qabel din l-isfida sostnew li hemm bosta emozjonijiet fosthom ansjetà, biża’ u eċitament.

Matul l-aħħar 11-il sena, aktar minn €720,000 ġew miġbura, dan sabiex jissapportjaw 10 proġetti fil-Kenja u l-Etijopja mwettqa mill-Moviment Missjunarju ta’ Ġesù fil-Proxxmu ffundat minn Fr George Grima. Il-proġetti wasslu fost l-oħrajn għall-bini ta’ skola u kunvent fil-villaġġ ta’ Bulbula, dar residenzjali għal 100 tifel u tifla bi bżonnijiet speċjali, klinika f’Sakko u skejjel tal-Kindergarten f’Gambella, Dembidolo, Jemu, u Wush Wush.

L-isfida ta’ din is-sena hija li jinġabru €90,000 li jwasslu sabiex jiġi komplet il-proġett ta’ Ċentru għal Tfal bi Bżonnijiet Speċjali f’Bonga fl-Etijopja. Il-proġett li fit-total tiegħu se jkun sewa €1.2 miljun kien inbeda minn Fr George Grima iżda qatt ma kellu ċ-ċans jarah jasal fi tmiemu hekk kif miet f’Settembru tal-2017. Il-proġett se jkun imsemmi b’tali mod li jfakkar lil Fr Grima.

It-tim ilu jitħarreġ minn Marzu u fl-aħħar ħin ħejja triqtu għall-Afrika. Hemmhekk se jagħmel tmint ijiem jaħdem sabiex jitilgħu muntanja u wara jibqgħu sejrin l-Etijopja biex jinawguraw proġett.

Filmat: Miguela Xuereb