Filmat: Amber waħedha f’teatru b’għanja tal-Milied

O Lejl ta’ Skiet hija għanja tradizzjonali tal-Milied, li kulħadd huwa familjari magħha. Hija għanja li tfakkarna fil-lejl speċjali meta twieled Ġesù Bambin. Amber bl-interpretazzjoni tagħha ħolqot kuntrast ma dak li għaddejin minnu bħalissa. F’dan il-vidjow Amber tinsab ġo teatru waħedha mingħajr udjenza. Taħseb biss fi żmien aħjar.

Matul dawn l-aħħar xhur, l-arti b’mod ġenerali kienu affetwati ferm minħabba COVID-19, fejn ħafna produzzjonijiet u avvenimenti ġew kkanċellati. Riżultat ta’ dan ħafna artisti spiċċaw bla xogħol. Iż-żmien għall-artisti għadu wieħed diffiċli. Sfortunatament l-arti mhux dejjem neħduha bis-serjetà u xi kultant nqisuha biss bħala passatemp jew iktar agħar mhux kunsidrat bħala xogħol.

Minħabba dak kollu li għaddejin minnu għandek ħafna nies li spiċċaw japprezzaw iżjed l-arti, issa li kollox wieqaf.

Amber xtaqet li bl-interpretazzjoni tagħha ta’ O’Lejl tas-Skiet toħloq iktar kuxjenza dwar l-importanza tal-arti biex is-sapport u r-rispett lejn l-artisti jikber u jissaħħaħ. Din l-interpretazzjoni sservi wkoll biex tfakkar is-sagrifiċċji u dedikazzjoni li jagħtu l-artisti lejn dan ix-xogħol, u kemm hi diffiċli meta ma tkunx tista’ tesprimi l-passjoni tiegħek.