Filmat: Alli frustrat għax ma tħalliex ikompli jilgħab

Kien lejl ta’ frustrazzjoni għal dawk kollha li b’xi mod huma assoċjati ma’ Tottenham. Iżda l-aktar li deher li ħadha bi kbira kien Dele Alli.

Tottenham tilfu bl-iskor ta’ 1-0 ġewwa darhom kontra t-tim mill-Bundesliga RB Leipzig fl-ewwel leg tal-aħħar 16 taċ-Champions League. Kien Timo Wener li skurja l-unika gowl tal-logħba minn penalty.

Filwaqt li Tottenham kienu qed jissieltu biex tal-inqas jiskurjaw il-gowl tad-draw, Ali twaqqaf milli jilgħab minn Jose Mourinho. Minfloku daħal jilgħab Erik Lamela fl-64 minuta. Alli ma deher xejn kuntent b’din id-deċiżjoni.

Wara li nduna li se jkollu jpoġġi u mexa lejn il-bankina, Alli ddeċida li jwaddab il-flixkun tal-ilma mal-art qabel ma qabad iż-żarbun tal-futbol u waddbu bis-salvaġġ mal-art ukoll. Iż-żarbun qabeż lura ‘l fuq u kien kważi se jolqot wiċċ Gedson Fernandes li wkoll kien għadu kemm twaqqaf mil-logħba.

Alli kompla jara l-logħba bil-kwiet. Tottenham fallew milli jsibu l-gowl tant importanti tad-draw.