Filmat: “Allegazzjoni hi biżejjed biex nibdew l-investigazzjonijiet tagħna”

Read in English.

Allegazzjoni hi biżejjed biex jiskattaw l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, stqarr l-Assistent Kummissarju Dennis Theuma f’intervista ma’ Newsbook.com.mt.

It-tema tal-intervista kienet it-traffikar uman u l-ħidma tal-Pulizija f’dan il-qasam.

Dr Theuma spjega li jrid ikun hemm sors biex tibda l-investigazzjoni. Fost l-oħrajn bħala sorsi semma ittra anonima, informazzjoni li tgħaddi għand il-Pulizija b’mod kunfidenzjali, artiklu f’gazzetta u kitba fuq Facebook.

AQRA: Filmat: Tieqaf tikkopera mal-Pulizija għax heddewlha lil familtha fil-Kolombja

Ġab eżempju b’Birkirkara fejn hemm ammont ta’ massage parlours. Huwa spjega li ma jistgħux jaqbdu u jduruhom kollha minħabba raġuni sempliċi: suspett raġonevoli. Żied jgħid li fl-ajruport ma tistax taqbad u tiċċekkja lil kulħadd. F’każ li wieħed jagħmel hekk allura jfisser li għandu “suspett raġonevoli” f’kulħadd. Irrimarka li f’nuqqas ta’ suspett raġonevoli wieħed ikun qed jabbuża mill-poteri eżekuttivi tiegħu.

Ġaladarba jibdew jinvestigaw, iġibu l-mandati neċessarji mingħand il-Maġistrat u jibdew jagħmlu s-sorveljanza li jkun hemm bżonn.

Dr Theuma appella lill-pubbliku li jekk ikollu xi informazzjoni jgħaddiha lill-Pulizija biex jibdew l-investigazzjonijiet.

Kif jidentifikaw vittmi tat-traffikar uman?

Dr Theuma spjega li persuni li jiġu sfruttati għal raġunijiet tax-xogħol jiġu mwiegħda xi ħaġa, iżda meta jaslu hawn Malta jsibu realtà differenti.

Huwa semma li sinjali ta’ traffikar uman f’massage parlours jinkludu n-nuqqas tal-libertà tal-ħaddiema biex ikunu jistgħu joħorġu x’ħin iridu. F’każ li joħorġu dawn ġeneralment ikunu akkumpanjati minn min iħaddimhom. Sinjal ieħor jinkludi li jinżammilhom l-passaport minħabba “raġunijiet ta’ sigurtà”.

Semma wkoll iċ-Ċiniżi u l-Koreani li kienu jaħdmu l-Leisure Clothing, każ li għadu għaddej fil-Qorti. Huwa spjega li f’dan il-każ it-tmexxija tal-kumpanija kienet iżżommilhom il-passaport.

Il-Pulizija trid tidentifika l-elementi li jkun hemm biex tara huwiex traffikar uman.

F’każijiet ta’ traffikar, il-Pulizija tagħmel ukoll kuntatt mal-Appoġġ, biex b’hekk ikunu jistgħu joffru akkomodazzjoni alternattiva lill-vittmi. Saħaq li ġieli jkun hemm każijiet fejn minn vittma waħda, iktar nies jiddeċiedu li jitkellmu.

Dr Theuma saħaq li l-Pulizija ma tistax toħroġhom mis-sitwazzjoni ta’ sfruttament li jkunu fiha mingħajr ma jingħataw akkomodazzjoni alternattiva. Id-dinjità tal-vittmi trid tiġi mħarsa u għaldaqstant il-Pulizija huma obbligati li jagħtuhom kundizzjonijiet ta’ għajxien aħjar milli kellhom.

Isiru arranġamenti biex il-vittmi jkunu jistgħu jibqgħu Malta legalment sakemm tkun għaddejja l-investigazzjoni u l-perjodu ta’ riflessjoni. F’dan il-perjodu, il-vittmi jaħsbuha jekk iridux ikomplu bil-każ jew le.