Filmat: Allegat serq ta’ dawl mil-latrina għax għerqitlu d-dgħajsa

Il-Pulizija ntalbet tinvestiga każ ta’ allegat serq ta’ elettriku minn latrina f’Wied il-Għajn biex jintuża fuq dgħajsa n-naħa l-oħra tat-triq.
Dan wara filmat li rċieva Newsbook.com.mt aktar kmieni dan ix-xahar, li ġie mgħoddi lill-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn.
Min-naħa tiegħu, il-Kunsill Lokali rrapporta l-każ lill-Pulizija, biex tittieħed azzjoni dwar dan l-aġir irresponsabbli, li allegatament kien qed joħloq ukoll periklu lill-pubbliku minħabba li l-extension użat mhux adattat biex jgħaddu l-vetturi minn fuqu. Dan minbarra li bħalissa hu pprojbit li jitħallew dgħajjes fuq il-promenade, u li l-manutenzjoni fuq id-dgħajjes għandha ssir fil-proprjetà tas-sid jew inkella f’boathouse.
Ma’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn qal li sid id-dgħajsa spjega lis-Sindku li għerqitlu d-dgħajsa fil-port u tellagħha l-baħar bl-għajnuna ta’ għaddasa.
Dak il-ħin irriżultalu li beda joħroġ iż-żejt u kellu jieħu miżuri malajr biex jieqaf.  
Filwaqt li kkonferma li r-raġel ħa d-dawl mil-latrina, il-Kunsill qal li seta’ ħa l-elettriku mill-kamra tal-Għaqda Sajjieda u Baħħara, li dak il-ħin kienet magħluqa.
Madanakollu żied jgħid li l-individwu se jneħħi d-dgħajsa malajr kemm jista’ jkun.
Filmat fuq info@newsbook.com.mt