Filmat: Alla jivjaġġa magħna fuq tal-linja – il-Papa Franġisku

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=Lkn3p5LIKQE]

Il-Papa Franġisku għażel li jippreżenta l-ġrajja tal-Milied, l-istess ġrajja li nisimgħu ta’ kull sena, fil-kuntest tal-lum u saħaq li l-qalba tal-Milied hija t-tama.
Waqt l-omelija tiegħu, fil-Quddiesa tal-Lejl tal-Milied, il-Papa Franġisku spjega kif l-inħawi, il-persuni u t-temi li ta’ kull sena nisimgħu dwarhom meta naqraw il-ġrajja tal-Milied ta’ Ġesù Bambin, jistgħu japplikaw għall-ġurnata tal-lum.
“Il-fidi li nipproklamaw illejla,” qal il-Papa, “tħeġġiġna biex naraw lil Alla f’dawk is-sitwazzjonijiet fejn naħsbu li hu nieqes.
Saħaq li Alla huwa preżenti f’dak il-viżitatur mhux milqugħ, xi draba mhux rikonoxxut, li jimxi fit-toroq tal-ibliet u l-komunitajiet tagħna, li jivjaġġa magħna fuq tal-linja u jħabbat fuq il-bibien tagħna.
"Hawn min qed jipprova jaħrab l-Erodijiet tal-lum"
Anke fil-passi ta’ Ġużeppi u Marija, li jkollhom jaħarbu lejn l-Eġittu, wieħed jista’ jara “miljuni ta’ persuni li ma jagħżlux li jitilqu iżda huma sfurzati jħallu l-art tagħhom u jħallu warajhom lill-għeżież tagħhom, kompla jgħid il-Papa 
“Ħafna drabi, dan il-vjaġġ huma mimli tama, tama għal futur; iżda għal ħafna oħrajn dan il-vjaġġ għandu isem wieħed: sopravivenza,” qal il-Papa.
Kompla jgħid li anke llum hawn min qed jaħrab “Erodijiet” moderni li ma għandhomx problema li jimponu l-poter tagħhom, iħaxxnu buthom u ma jsibux problema li jxerrdu d-demm tal-innoċenti.”
"Bit-twelid ta' Ġesù kollox isir sors ta' tama"
“Imma huwa t-twelid ta’ Ġesù li jbiddel għal dejjem l-istorja tagħha. Bit-twelid tiegħu kollox isir sors ta’ tama.”
Il-Papa appella lill-eluf miġbura fil-Bażilika ta’ San Pietru, mijiet oħra li segwew il-funzjoni mill-Pjazza jew fuq il-mezzi tax-xandir, biex ma jibżgħux jiftħu l-bibieb beraħ għal Kristu, waqt li kkwota lill-Papa San Ġwanni Pawlu II.
“Alla jistedinna biex inkunu messaġġiera tat-tama,” qal il-Papa. “F’din it-tarbija, Alla jagħmilna aġenti tal-ospitalità."
Temm jappella biex f’dan il-Milied l-Insara jwarrbu l-indifferenza u jaraw lil Ġesù "f’dawk kolha li jaslu fl-Ibliet tagħna, fl-istejjer tagħna, fil-ħajja tagħna.”