Filmat: ‘Alla hu qawwi imma r-rebħa kontra x-xitan issir meta u kif irid Hu’ – Fr Franco Fenech

Read in English.

Li tkun eżorċista hu wieħed mir-rwoli fil-Knisja, sostna Fr Franco Fenech waqt intervista fuq 103 Malta’s Heart li saritlu mill-Prof. Andrew Azzopardi. Fr Franco Fenech qal li l-Knisja ma tbeżżax kontra x-xitan biex iżżomm xi forma ta’ poter għaliex jekk tagħmel hekk, il-Knisja tkun kontradittorja, għaliex ix-xitan hu supperv u jekk il-Knisja tagħmel hekk, tkun qed taqa’ f’din is-suppervja bħalu. Alla hu qawwi imma r-rebħa ssir meta jrid u kif irid hu, temm jgħid Fr Franco Fenech.

Fr Franco spjega li bħalissa f’pajjiżna hawn 6 eżorċisti u oħrajn li jinsabu fil-formazzjoni spiritwali tagħhom. Qal li kull eżorċista jkollu l-każijiet tiegħu u jiltaqgħu darba fix xahar biex jaqsmu l-esperjenzi u jitgħallmu minn xulxin.

L-ewwel rwol bħala eżorċista hu li jeduka kull faxxa tas-soċjetà, eżempju fl-iskejjel “li ħafna drabi jkunu jafu aktar minnek it-tfal,” sostna Fr Franco fejn għamel referenza wkoll għall-effetti psikoloġiċi u effetti fiżiċi bħas-sesswalità, li jista’ jħalli fuqek is-sataniżmu.

“Ix-xitan hu kreatura limitata, mhux omnipotenti bħal Alla u allura jista’ jaħkem persuna skont kemm tillimitah persuna jew skont kemm jippermetti Alla, bħalma ġara lil numru ta’ qaddisin. Teoloġikament, din tiġi mfissra meta l-persuna tkun laħqet grad għoli ta’ spiritwalità li tgħaddi minn dawk il-mumenti li għadda minnu Ġesù fuq is-salib meta ħassu abbandunat fl-aktar mument li kellu bżonn.” Dawn huma każi eċċezzjonali qal Fr Franco Fenech.

Alla ma jista’ jobgħod lil ħadd u ma jeqridx lill-kreaturi tiegħu inkluż lix-xitan, spjega l-eżorċista filwaqt li fakkar kif Alla jagħtina l-fakultà li nirbħu lix-xitan għaliex aħna tempji tal-Ispirtu s-Santu, tal-ispirtu ta’ Alla. Kien hawn fejn spjega kif ix-xitan ġie umiljat quddiem Alla 3 darbiet.

Kif jaslu għall-konklużjoni li l-persuna hi posseduta jew il-persuna għandha kundizzjoni ta’ saħħa mentali?

Fr Franco Fenech qal li l-eżorċiżmu mhux talba, imma hu proċess. Spejga li jrid jisma’ dwar il-ħajja tal-persuna flimkien mal-psikjatri u psikologi li huma wkoll jridu jemmnu f’din ir-realtà għaliex jekk le, il-persuna ssirilha aktar ħsara.

Mistoqsi kemm hawn satanisti f’Malta, Fr Franco qal li diffiċli tikkwantifikahom. Spjega li hawn uħud li jkunu jridu joqogħdu jesperimentaw u hawn uħud li saħansitra għandhom kuntatti ma’ persuni barra minn Malta.

Bħala nies li eżorċisti ġew avviċinati minnhom, Fr Franco qal li ltaqgħu ma’ persuni minn kull faxxa tas-soċjetà, kemm f’dik li hi età u anke professjonijiet, għalkemm każi fost in-nisa huma aktar komuni milli fl-irġiel.

“Miskin hu min jagħmlilna l-ħażin” – satanist

Persuna li intervista Prof. Andrew Azzopardi dwar is-sataniżmu hu propju raġel li jipprattika s-sataniżmu. Waqt l-intervista hu qal li dwar is-sataniżmu hemm ħafna informazzjoni żbaljata.

Dan ir-raġel, li għażel li jibqa’ anonimu, qal li ilu jipprattika għal dawn l-aħħar 20 sena. Sostna li m’għandu xejn kontra l-Knisja imma jdejquh biss il-messaġġi li jirċievi li qed jagħmel il-ħażin għaliex ma jemminx li qed jagħmel xi ħaġa ħażina.

Dwar is-sess u s-sataniżmu, il-persuna spjegat li huma jemmnu ħafna fis-sess u li waqt ritwali ġieli jsiru atti sesswali, però dan jista’ ma jsirx u r-ritwal xorta waħda jaħdem.

Sostna li l-kult staniku mhux ġej mill-ħażen u qal li f’Malta ċertu nies diġà jgħixu ħajja ta’ sataniżmu mingħajr ma jafu.

Fl-intervista mal-Prof. Andrew Azzopardi, il-persuna qalet li diffiċli tgħid kemm hawn nies li jipprattikaw is-sataniżmu u li hu jagħmel kollox mal-mara tiegħu. Infatti, fil-familja huma biss ommu u l-mara li jafu dwar dan kollu. Jgħid li lill-kumplament tal-familja tiegħu ma jgħidilhomx li hu satanist għaliex huma żgwidati mis-soċjetà.

Mistoqsi jekk qattx daħal fi knisja Kattolika, u jekk hux veru li jsiru ritwali sabiex jisħtu lin-nies, dan ir-raġel wieġeb li iva ġieli daħal fi Knisja, iżda ma tqarbinx, u ma ħass l-ebda sentiment bħal dawk li naraw fil-films. Qal li iva, isiru ritwali sabiex jisħtu n-nies. “Min jagħmlilna l-ħażin miskin hu.”