Filmat: Album imfassal fuq esperjenzi personali

Il-kantanta Miriam Christine fl-aħħar ġranet ħarġet ir-raba’ album tagħha bl-isem ta’ Dil-Mara. Dan huwa l-ewwel album tagħha f’14-il sena u huwa mfassal fuq għadd t’esperjenzi personali… kollu kemm hu bil-Malti… u li jżewweġ flimkien erba’ elementi ewlenin għal Miriam; il-vuċi, il-pjanu, il-kompożizzjoni u l-poeżija.

Il-kantawtriċi hija risponsabbli mill-mużika tal-kanzunetti kollha filwaqt li għandha sehem qawwi fil-lirika wkoll, b’kollaborazzjoni mal-awturi Joe Julian Farrugia, Emil Calleja Bayliss, u Rita Pace. Il-produzzjoni mużikali hija tal-mużiċist Taljan, Maestro Maurizio Campo, li jaħdem mill-qrib ma’ diversi artisti kbar fl-Italja kif ukoll mal-Festival rinomat ta’ Sanremo.

Dil-Mara jirrifletti x-xewqa ta’ Miriam Christine li flimkien ma’ ħafna oħrajn, permezz tal-arti tagħha, tirsisti biex tippreserva l-lingwa tagħna fi żmien meta din il-lingwa tant sabiħa qed taffaċċja sfidi ġodda ta’ kuljum.

Apparti dan l-album, Miriam Christine ħarġet il-vidjow tal-kanzunetta Mill-Għatba ‘l Ġew, li nġibed fil-Birgu.

L-album jirrakkonta l-vjaġġ li wassal lil Miriam Christine ssir dil-mara li hija llum. Vjaġġ li kellu tlajja u nżul, b’mumenti mimlija mħabba, suċċess mhux mistenni, u tgħannieqa ħelwa meta din il-kantanta ħasbet li d-dinja kienet spiċċat. Iżda kien ukoll vjaġġ b’mumenti ta’ dieqa u qtugħ ta’ qalb, fejn il-ħsieb kien li l-ħajja hi biss imrar. Imma mbagħad dan il-vjaġġ wassal lil Miriam issib il-kuraġġ. Illum Miriam taf għaliex kellha tgħaddi minn dan il-vjaġġ u tinsab grata wisq għal dak kollu li għexet. Ħaġa waħda biss tgħodd… l-imħabba.

Ix-xewqa ta’ Miriam hija li permezz tal-mużika u l-istorja tagħha tkun ta’ ispirazzjoni għal nies li jgħaddu minn mumenti diffiċli sabiex ma jaqtgħux qalbhom.

L-album issibuh fuq siti diġitali u anki fi ħwienet ewlenin tal-mużika.