Filmat: Alan Parker ta’ Midnight Express għall-Valletta Film Festival

Tħabbru d-dati għat-tieni edizzjoni tal-Valletta Film Festival, organizzat mill-Film Grain Foundation.
Bejn it-3 u l-11 ta’ Ġunju se jintwerew għall-ewwel darba f’Malta 42 film internazzjonali, f’ħames siti madwar il-Belt Valletta: Pjazza Teatru Rjal, Forti Sant’Iermu, Pjazza San Ġorġ, Spazju Kreattiv u l-Embassy Cinemas.
Oliver Mallia, wieħed mill-fundaturi tal-festival qal li l-VFF 2016 din is-sena se jintroduċi sezzjoni ġdida ta’ films, immirati apposta għal żgħażagħ bejn it-13 u 18-il sena.
Il-festival se jibda b’serata tal-ftuħ fi Pjazza Teatru Rjal u matulha se jintwera l-premier ta’ Inħebbek Hedi, film Tuneżin, rebbieħ tal-aqwa film fil-Festival ta’ Berlin ta’ din is-sena.
Mistieden speċjali għal VFF ta’ din is-sena se jkun Sir Alan Parker, id-direttur ta’ Midnight Express, Evita u The Life of David Galea.
Parker se jkun qed jattendi għal screening speċjali ta’ Midnight Express, is-Sibt 4 ta’ Ġunju f’Sant’Iermu, l-istess post fejn inġibed fl-1977.
Il-Valletta Film Festival se jinkludi wkoll kompetizzjoni bejn seba’ feature films, seba’ dokumentarji u 26 short films. Iċ-ċerimonja finali ssir is-Sibt 11 ta’ Ġunju.
Se tiġi organizzata wkoll Conference of Small Nations bil-għan li tlaqqa’ flimkien għadd ta’ professjonisti fil-qasam ċinematografiku Malti u barrani, li se jiddiskutu l-isfidi u l-limitazzjonijiet tal-industrija f’pajjiżi zgħar bħal Malta. Din se ssir bil-kollaborazzjoni tal-Malta Film Commission.
Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn hawn.