Filmat: Aktar żgħażagħ Maltin fid-diplomazija

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela ltaqa’ mad-disa’ second secretaries ġodda li għadhom kemm ingħaqdu mal-Ministeru riċentament wara proċess ta’ reklutaġġ. L-irwol ta’ second secretary huwa meqjus bħala l-punt tad-dħul fil-klassi diplomatika.

F’din l-attività, il-Ministru Abela qal li l-karriera diplomatika għandna tiġi kkunsidrata miż-żgħażagħ għaliex toffri opportunitajiet kemm Malta u anke barra mill-pajjiż, fejn tista’ twassal sa livell ta’ Ambaxxatur ta’ Malta.

Il-Ministru Abela ltaqa’ wkoll ma’ 19-il diplomatiku li ġew promossi bħala counsellors. Dan wara perjodu twil ta’ servizz fid-diplomazija kemm Malta u anke barra bħala first secretaries, fejn għaddew ukoll minn eżamijiet orali u bil-miktub.

Il-Ministru appella lis-second secretaries u lill-counsellors sabiex jaqsmu l-esperjenzi pożittivi tagħhom bħala diplomatiċi Maltin ma’ żgħażagħ oħra u jħeġġuhom jersqu lejn din il-karriera li ġġib magħha tant sodisfazzjon.

Semma kif Malta għandha madwar is-37 Missjoni madwar id-dinja filwaqt li ħeġġeġ lid-diplomatiċi Maltin biex jużaw l-enerġija tagħhom sabiex ikabbru l-kuntatt tagħhom mad-Diaspora Maltija imferrxa madwar id-dinja. Semma kif diġà nfetħet rappreżentanza diplomatika ġdida fil-Ghana, li bħalissa għaddej il-proċess tal-identifikar ta’ binja li tista’ sservi bħala rappreżentanza diplomatika ġdida fil-Ġappun u li qed issir ħidma biex jiftaħ konsolat ġdid fil-Marokk. 

Il-Ministru Abela awguralhom għax-xogħol imprezzabli tagħhom u l-aqwa prospetti fir-rwol il-ġdid.