Filmat: Aktar telework b’inċentivi lill-privat – il-PN

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li jkun hemm aktar inizjattivi ta’ telework u remote-working fis-settur privat billi l-Gvern jgħin lill-kumpaniji.

F’konferenza tal-aħbarijiet mid-deputati Nazzjonalisti Clyde Puli u Claudette Buttigieg mit-tim ta’ azzjoni kontra l-Covid-19, huma stqarru li dan il-kunċett kapaċi joffri ħafna flessibiltà u inqas spejjeż għall-familji.

Terz tal-każijiet pożittivi li nstabu lbieraħ kienu minn fuq il-postijiet tax-xogħol.

Il-każijiet tal-lum u d-dettalji tal-każijiet tal-bieraħ
Jinstabu 100 każ ieħor ta’ coronavirus

Clyde Puli akkuża lill-Gvern li mhux jagħmel biżżejjed f’dan il-qasam. Spjega kif ir-remote-working għandu konsegwenzi ekonomiċi u ambjentali pożittivi fosthom biex jitnaqqas it-traffiku, inqas tniġġis u inqas ħtieġa ta’ spazju fiżiku għall-kumpaniji.

Claudette Buttigieg kritikat lill-gvern fuq it-tneħħija bla mistenni ta’ Direttiva Numru 13. Permezz ta’ din id-direttiva il-ħaddiema tas-settur pubbliku setgħu jagħmlu użu mit-telework. Buttigieg elenkat għadd ta’ konsegwenzi pożittivi oħrajn tat-teleworking fosthom iktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja u aktar għajnuna għal min jagħmel homeschooling.

Buttigieg appellat lill-Prim Ministru sabiex jħeġġeġ lis-Segretarju Parlamentari Ewlieni biex jaddotta l-parir tas-Supretendent tas-Saħħa u jerġa’ jdaħħal id-direttiva 13 għas-settur pubbliku immedjatament.