Filmat: Aktar minn nofs il-vouchers intużaw – Schembri

Aġġornat 07:50 PM

Read in English.

Minister for the Economy, Investment and Small Businesses Silvio Schembri gives details about the performance of the €100 Voucher Incentive Measure

Minister for the Economy, Investment and Small Businesses Silvio Schembri gives details about the performance of the €100 Voucher Incentive Measure

Posted by MaltaGov on Thursday, September 3, 2020

Madwar 57.8% tal-vouchers li tqassmu madwar Malta bil-għan li jiżdied l-infiq u tiġi mgħejuna l-ekonomija lokali intużaw s’issa, ħabbar il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri.

Waqt konferenza stampa, Schembri spjega li l-gvern kien ħareġ 2,230,000 vouchers ta’ €20: kull persuna residenti f’Malta li għandha ‘il fuq minn 16-il sena rċeviet ħamsa. S’issa ntużaw 1,290,000 minnhom, ekwivalenti għal €25.8 miljun.

Kull persuna eliġibbli rċeviet erba’ vouchers ħomor, li jistgħu jintużaw f’lukandi u f’ristoranti, u voucher blu li jista’ jintuża fi ħwienet li kellhom jingħalqu minħabba l-Covid-19 aktar kmieni din is-sena. S’issa ntużaw madwar 1.07 miljun voucher aħmar u madwar 230,000 voucher blu.

Schembri fakkar fl-effett multipliku: l-użu ta’ voucher jiġġenera aktar attivita ekonomika mill-valur tiegħu.

Il-vouchers ħomor ġew stmati li kellhom effett multipliku ta’ 1.36, u b’hekk l-infiq ta’ €21.4 miljun kellu valur addizzjonali ta’ €7.7 miljun. Il-vouchers blu, min-naħa l-oħra, huma stmati li qed ikollhom effett multipliku ta’ 1.82, u b’hekk l-€4.6 miljun ta’ vouchers li ntużaw iġġeneraw €3.8 miljun oħra.

“Dan jawgura tajjeb għall-ekonomija domestika. Dawn in-numru inkoraġġanti jirriflettu l-istimulazzjoni tal-ekonomija li hija mifruxa sew fost l-istratifikazzjoni tas-soċjetà li kollha kemm hi bbenefikat sew minn din il-miżura b’saħħitha, kemm il-konsumatur kif ukoll in-negozji,” spjega Schembri.

Il-figuri juru li l-vouchers intużaw l-aktar fi tmiem il-ġimgħa, u li l-aktar ġurnata li fiha ssarrfu vouchers kienet it-8 ta’ Awissu, fejn issarrfu 54,000. Kull nhar ta’ Sibt kienu qegħdin jissarfu medja ta’ 46,000 voucher.

Kważi ċ-ċittadini Maltin kollha residenti Malta – 97.6% – ġabru l-vouchers tagħhom. Min-naħa l-oħra, 61.6% ta’ ċittadini tal-Unjoni Ewropea rċevew jew ġabru l-vouchers, filwaqt li 79.4% ta’ residenti li jiġu minn barra l-UE ġabru tagħhom. Madwar 40,000 voucher għad iridu jinġabru.

Din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-validità tal-vouchers qed tiġi estiża għall-aħħar ta’ Ottobru: oriġinarjament kienu jibqgħu validi biss sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. L-Assoċjazzjoni Medika Maltija kienet qed tinsisti li l-perjodu ta’ validità tal-vouchers kellu jiġi estiż, biex jiġu evitati rases ta’ nies jippruvaw jużaw il-vouchers tagħhom qabel jiskadu.

Negozji għandhom bżonn ċertezza u pjan fit-tul – PN

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li l-għajnuna finanzjarja kienet meħtieġa, l-akbar ghajnuna għas-selfemployed u għas-sidien tan-negozji kienu ċertezza politika bi pjan serju u bi djalogu għall-miżuri tal-Covid-19. Waqt li laqa’ miżuri bħall-kumpens għall-ħlas tal-kontijiet tad-dawl min-negozji, il-PN insista li kellha tkun aktar mifruxa, kemm fuq negozji kif ukoll fuq familji u anzjani.

Il-partit qal li l-problemi u d-diffikultajiet li qegħdin jaffaċċjaw in-negozji jmorru lil hinn minn Ottubru, u li diġà qed tinħoloq inċertezza fis-suq għax-xitwa, partikolarment għal żmien il-Milied.

“Dan in-nuqqas ta’ pjan fit-tul qed jinħass sew u qed iwassal għal inċertezza fl-ippjanar għal min qiegħed fin-negozju, u li ma tistax tippjana għal għada għaliex ma tafx x’inhu ġej hija l-ikbar problema għal kull self employed u sid ta’ negozju,” skont il-PN.

B’hekk il-partit ħeġġeġ lill-gvern biex jippjana pakkett ta’ għajnuna li jħares aktar ‘il quddiem, peress li ħafna negozji spiċċaw jistrieħu fuq il-miżuri tal-vouchers.

“Jeħtieġ li l-gvern joffri għajnuna konkreta li taghmel tajjeb għat-telf tan-negozju għall-istaġun tax-xitwa li ġejja, li tista’ tkun il-bidu ta’ kriżi fejn naraw iktar negozji li jkollhom jagħlqu għaliex ma jkunux jifilħu jibqgħu bil-bibien tagħhom miftuħa,” tikkonkludi l-istqarrija tal-PN.