Filmat: Aktar minn €600,000 għan-nisa u tfal vittmi ta’ vjolenza domestika

Aktar minn €600,000 fuq tliet snin sas-sena 2020, bħala assistenza finanzjarja se jingħataw lill-Kummissjoni Ejjew Għandi sabiex tkompli toffri kenn lin-nisa u t-tfal tagħhom li jispiċċaw vittmi ta’ vjolenza domestika.

Dan tħabbar mill-Ministeru għall-familja u l-Arċidjoċesi ta’ Malta bħala parti mill-Programm Sebħ li jitmexxa mid-Dar Qalb ta’ Ġesù f’Santa Venera.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Michael Falzon qal li hemm il-ħsieb li dan is-servizz jimxi għal dar oħra fiż-Żejtun bil-possibiltà li jiżdied in-numru ta’ residenti.

Il-Kummissjoni Ejjew Għandi tagħmel parti mill-Fondazzjoni għall-Opri Soċjali fl-Arċidjoċesi ta’ Malta u toffri servizzi fosthom xelter għal dawk il-vittmi ta’ vjolenza domestika, erbat idjar residenzjali għat-tfal u għall-adoloxxenti u għajnuna lill-familji fil-komunità.

Andrew Azzopardi, min-naħa tal-Kummissjoni Ejjew Għandi spjega ma’ Newsbook.com.mt li l-Kummissjoni tospita madwar 30 ruħ bejn nisa u t-tfal. Fi 18-il sena li ilha stabbilta għenu madwar 100 familja b’kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Knisja.

Irrimarka li l-vjolenza domestika hija problema li ma nistgħux naħarbu minnha u li hemm bżonn li tiġi affaċċjata b’mod konkret. Bħalissa Malta hawn tliet xelters għan-nisa u m’hawnx xelters għall-irġiel.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru tal-Familja Michael Falzon sostna li l-għan huwa li titjieb is-soċjetà u għaldaqstant huwa impossibbli li l-Gvern u l-Knisja ma jaħdmux flimkien f’ċirkustanzi bħal dawn.