Filmat: Aktar minn €32,000 mill-kunċert ta’ Ivan Grech għal Puttinu

Permezz tal-kunċert li Ivan Grech tella’ fit-23 ta’ Lulju f’Ta’ Liesse, il-Belt Valletta, huwa ġabar €32,758.27 għal Puttinu Cares. Dan l-ammont jinkludi l-bejgħ kollu tal-biljetti u donazzjonijiet.

Ivan ilu jgħin lil Puttinu mill-2010. Bil-kunċerti tiegħu, kif ukoll permezz ta’ inizjattivi ma’ Winter Moods matul dawn is-snin huwa ġabar aktar minn €100,000 għal Puttinu biss.

Aktar minn 3000 persuna attendew għall-kunċert ta’ Ivan. Huwa wassal kunċert ta’ aktar minn sagħtejn li kien jinkludi wħud mill-iktar kanzunetti popolari ta’ Winter Moods, xi kanzunetti favoriti ta’ Ivan minn matul is-snin, kif ukoll Somebody Like You, l-ewwel diska tiegħu bħala solista.

“Ninsab kuntent ħafna, kellna rispons inkredibbli. Kburi li ġbarna iktar minn €32,000 għal Puttinu. Nirringrazzja minn qalbi lil kull min attenda, ssapportja u ta donazzjoni. Huwa dejjem pjaċir li taħdem għal Puttinu. Kien lejl ieħor memorabbli,” qal Ivan, waqt li żied jgħid “Dejjem nemmen fil-ġenerożità tal-Maltin, li jingħaqdu biex jgħinu fejn hemm bżonn.”

Waqt il-kunċert ingħaqdu ma’ Ivan il-mużiċisti Maltin mill-Awstralja Nicky Bomba u Michael Caruana li jagħmlu parti mill-Melbourne Ska Orchestra u Jacuzzi Masterpiece. Ivan għamel ukoll dwett emozzjonali ta’ Shallow ma’ Giorgia Borg, li kisbet suċċess internazzjonali bil-parteċipazzjoni tagħha fi Britain’s Got Talent.

AQRA: Giorgia Borg tirringrazzja u tħares ‘il quddiem; Attitudni pożittiva mill-kantanta ta’ 10 snin

Fuq il-palk ma’ Ivan kien hemm il-mużiċisti Peter Borg u David Cassar Torregiani fuq il-kitarri, David Ciantar u Aleandro Spiteri Monsigneur fuq il-keyboards, Chris Curmi fuq bass u Raphael Tonna fuq id-drums. Il-backing vocalists kienu Angela Spiteri, Jackie Pace Delicata u Louisa Frendo Wirth.

Il-kantanta brava Brooke Borg fetħet il-lejl għal Ivan Grech.

“Nixtieq nirringrazzja lill-entitajiet kollha li għenuni biex dan il-kunċert kien possibbli. Nirringrazzja wkoll lill-awtoritajiet li tawna tant sapport. Bis-saħħa ta’ kulħadd stajna nagħtu iktar minn €32,000 lil Puttinu,” kkonkluda Ivan.

Għal aktar informazzjoni segwi lil Ivan Grech fuq ivan.grech.

Dan il-kunċert kien organizzat minn Striped Sox.