Filmat: Aktar minn €30 miljun intefqu biex l-iskejjel fetħu waqt il-pandemija

LIVE | Konferenza stampa fuq investiment fl-edukazzjoni

LIVE | Konferenza stampa fuq investiment fl-edukazzjoni

Posted by MaltaGov on Tuesday, December 15, 2020

Din is-sena sar investiment ta’ aktar minn €30 miljun biex l-iskejjel setgħu jinfetħu waqt il-pandemija.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana u l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu.

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li l-pandemija tal-Covid-19 matul l-aħħar xhur ġabet magħha sfidi kbar fosthom dik tal-ftuħ tal-iskejjel. Spjega li l-Gvern nefaq ‘il fuq minn €30 miljun addizzjonali fuq sena skolastika waħda. Qal li tul ix-xhur tas-sajf, il-Gvern indirizza ċertu tħassib li kien hemm, fosthom mill-unjins tal-għalliema dwar il-ftuħ tas-sena skolastika għal din is-sena. Madankollu, ġab kuntrast b’pajjiżi oħra u qal li llum f’Malta l-iskejjel qed jirnexxu, mentri f’pajjiżi barranin dawn reġgħu qegħdin jagħlqu minħabba l-firxa tal-virus.

It-€30 miljun addizzjonali ntefqu primarjament biex tiżdied l-aċċessibbiltà fit-trasport, tiżdied is-superviżjoni u l-investiment fit-tagħmir kollu neċessarju biex l-iskejjel jippreparaw għar-realtà l-ġdida tal-pandemija. Barra l-iskejjel tal-Istat, minn dawn il-flus gawdew ukoll l-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti.

Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana tat rendikont ta’ x’sar biex mal-għeluq tal-iskejjel f’Marzu minħabba l-pandemija, bdiet ħidma mal-ewwel biex fil-mument opportun jerġgħu jinfetħu l-iskejjel. Stqarret li l-Ministeru kien proattiv mill-bidu nett fiċ-ċirkustanzi straordinarji li ġabet magħha l-imxija.

konferenza investiment edukazzjoni
DOI: Clifton Fenech