Filmat: “Aktar ma koppja titfa’ ritratti fuq Facebook aktar hemm ċans li tkun insigura”

Aktar ma koppja titfa’ ritratti tagħha fuq il-midja soċjali bħal Facebook, aktar hemm ċans li r-relazzjoni tkun insigura jew aktar hemm ċans li xi ħadd mill-koppja tkun insigura fi ħdan ir-relazzjoni.
Dan ħareġ minn studju empiriku li sar fl-Università ta’ Northwestern fost 108 koppja ġewwa l-Kanada li fuq Facebook iqisu lilhom infushom li jinsabu f’relazzjoni. L-istudju ġie ppulikat fil- Personality and Social Psychology Journal. Il-kampjun kien jinkludi koppji li qegħdin f'relazzjoni, oħrajn f'relazzjoni miżżewġa, u oħrajn f'relazzjoni miftuħa.
F’kummenti lil Newsbook.com.mt, is-Sesswologu Dr Nicholas Briffa spjega li dan jista' jimplika li s-sigurtà li l-persuna jew il-koppja mhux qed tirċievi mir-relazzjoni li tinsab fiha qiegħda tfittixha minn banda oħra. Is-Sesswologu, li jipprattika kemm Malta kif ukoll ġewwa Ruma, spjega li l-metodologija użata hija ferm interessanti. Dan għaliex intużaw kemm metodi ta' djarju (fejn il-parteċipanti jesprimu kif ikunu qegħdin iħossuhom għal ġimgħatejn sħaħ), intervisti semi-strutturati, kif ukoll testijiet psikometriċi relazzjonali.
"Facebook ma għandux jirbaħ lill-kommunikazzjoni wiċċ imb wiċċ"
“Facebook illum huwa metodu faċli, effettiv, veloċi u imminenti biex wieħed jirċievi l-affermazzjoni u validazzjoni,” spjega s-Sesswologu. Dan fil-fatt ħareġ minn studju li Briffa nnifsu għamel fl-Università La Sapienza ma' tliet psikologi oħrajn.
Nicholas Briffa tkellem ukoll dwar is-simboli li jintużaw fuq Facebook bħal qlub jew il-bews, li wieħed faċli jużahom għax kull ma jrid jagħmel hu li jagħfas buttuna.
Is-Sesswologu spjega li jiltaqa’ ma ħafna koppji li jsibuha faċli jgħidu “inħobbok” fuq Facebook, iżda mbagħad f’relazzjoni intima u romantika wiċċ imb wiċċ ma jkunux kapaċi jagħmlu dan.
“Facebook huwa għodda li jekk tinuża tajjeb tista’ tħaffef ħafna l-ħajja u jagħmilna aktar inħossuna viċin xulxin.” Żied jgħid iżda li wieħed hemm bżonn li jikkontrolla l-użu tal-midja soċjali u ma jħallihiex tirbaħ lill-kommunikazzjoni wiċċ imb wiċċ.
"Koppja għandha tiddiskuti l-użu ta' Facebook"
Is-Sesswologu qal li koppja għandha tiddiskuti l-użu ta’ Facebook għax jemmen li aktar ma l-affarijiet ikunu ċari u stabbiliti, aktar il-koppja hemm cans li tkun f’armonija.
Nicholas Briffa qal li f’koppja, iż-żewġ partijiet għandhom valuri, opinjonijiet, perspettivi u karattri differenti u għalhekk jistgħu faċilment jinterpretaw kumment, likeshare jew ritratt fuq Facebook b’mod differenti.
“Importanti li nikkomunikaw u nkunu trasparenti ma’ xulxin fir-relazzjoni inkluż dwar l-imġiba tagħna fuq il-Facebook. Huwa importanti li l-ewwel validazzjoni tar-relazzjoni inġibuha mir-relazzjoni stess” qal Dr Briffa.
Bħalissa Nicholas qiegħed jaħdem fuq żewġ studji li se jigu ppulikati daqt, waħda bit-titlu "Youth sexuality: implications for social policy makers and clinical psycho-sexological practice", u oħra dwar in-nuqqas t'aptit sesswali femminili. L-aħħar waħda hija riċerka f'sitt pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta.
L-intervista sħiħa mas-Sesswologu xxandret waqt il-programm T’Għomru Qasir fuq RTK ippreżentat minn George Cremona.