Filmat: Air Malta: Il-Gvern mhux jeskludi l-privatizzazzjoni

Ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li l-ewwel prijorità għall-Gvern hija li l-Air Malta terġa’ tqum fuq saqajha malajr kemm jista’ jkun, skont il-pjan ta’ ristrutturar.
Qal li s-sitwazzjoni fl-Air Malta hija waħda diffiċli imma hija sfida li l-Gvern irid jegħleb biex jiġu salvagwardjati l-impjiegi.
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar il-possibilità ta’ privatizzazzjoni totali jew parti mill-Air Malta, il-Ministru Zammit Lewis qal li f’dan l-istadju, il-Gvern mhu qed jeskludi xejn.
Qal li l-Gvern qed iżomm il-possibilità tal-privatizzazzjoni miftuħa sakemm il-Gvern Malti jibqa’ jkollu l-maġġoranza tal-ishma.
Fuq id-deċiżjoni tat-tibdil fl-ikel li jingħata fuq it-titjiriet tal-Air Malta, il-Ministru Zammit Lewis qal li linji oħra ilhom li wettqu l-eżerċizzju li għamlet l-Air Malta mill-1 ta’ Jannar li għadda.
Enfasizza li bl-introduzzjoni ta’ baguette u flixkun ilma, fis-sentejn li ġejjin l-Air Malta se tkun qed tiffranka 9 miljun.
Huwa ammetta li kien hemm problemi fl-introduzzjoni ta’ din il-miżura, li ddeskriva bħala essenzjali biex jintlaħqu l-miri tar-ristrutturar tal-Air Malta.
Zammit Lewis qal li bosta linji tal-ajru, mhux biss dawk low cost, qed jikkummerċjalizzaw it-titjriet.
Dwar il-każ ta’ Cyprus Airlines, il-Ministru Zammit Lewis qal li dan il-każ tal-linja nazzjonali ta’ Ċipru huwa differenti mill-każ tal-Air Malta għaliex il-Kummissjoni Ewropea wkoll diġà ddikjarat li l-linja nazzjonali dejjem żammet mal-prinċipji kif elenkati fil-pjan ta’ ristruttar u li kien maqbul mal-Unjoni Ewropea.  
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li "rridu negħlbu l-perċezzjoni li pajjiżna huwa biss ir-ramel, il-baħar u x-xemx". Qal li din il-perċezzjoni hija kbira fost it-turisti mir-Renju Unit.
Sostna li hu għalhekk li l-Gvern jimbarka fl-organizzazzjoni ta’ festivals prestiġġjużi bħalma huwa l-Isle of MTV, fejn jiġu mas-6,500 turist, bil-maġġoranza tagħhom żgħażagħ.
Saħaq li l-Gvern se jibqa’ jsostni dawn l-avvenimenti.