Filmat: “Aħna kollha umani” – l-Arċisqof Scicluna

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li kien grat ħafna lejn il-komunità Afrikana u dik tal-immigranti, kif ukoll lejn l-awtoritajiet Maltin talli pparteċipaw fl-ikla hekk imsejħa Good Neighbourhood Dinner.

L-Arċisqof ospita din l-ikla fil-Kurja fil-Furjana. Mons. Scicluna kiel mal-100 persuna li attendew, inkluż iż-żewġ persuni li salvaw minn attentat ta’ qtil f’Ħal Far. Dakinhar, Lassana Cisse Souleymane inqatel meta żewġ suldati allegatament sparawlu.

Waqt id-diskors tiegħu, Mons. Scicluna spjega li n-nies kollha huma umani. Hu qal lill-membri tal-komunità tal-immigranti u lir-rappreżentanti tal-Pulizija u tal-Forzi Armati li l-ikla kienet tfisser stqarrija li n-nies huma kollha umani.

L-Arċisqof qal li r-rappreżentanti Maltin ma kinux lebsin uniformi biex jenfasizzaw l-importanza li wieħed ipoġġi ħdejn il-proxxmu, jiekol flimkien miegħu, u jsir jafu.

L-ikla tirrappreżenta l-intenzjoni tal-Arċisqof li jgħaqqad il-komunità Afrikana mal-komunità tal-immigranti, refuġjati, u mal-Maltin. L-għan tiegħu huwa li jgħin biex jippromwovi soċjetà li tħaddan id-diversità.

L-Arċisqof qal ukoll li xtaq jirringrazzja lill-organizzazzjonijiet kollha li ħadu sehem fl-ikla, inkluż membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u tal-Pulizija flimkien ma’ għadd ta’ NGOs u organizzazzjonijiet Kattoliċi inkluż il-Youth Fellowship u ż-ŻAK.

Spazju sigur

Ma’ Newsbook.com.mt, Sarah Giusti spjegat li attivitajiet bħal dawn huma importanti biex jinħoloq spazju sigur fejn in-nies jistgħu jingħaqdu biex jiddiskutu kwistjonijiet u interessi li jkunu komuni bejniethom.

Qalet li f’dinja b’ħafna negattività huwa importanti li wieħed joħloq spazzji siguri li huma miftuħa għad-diskussjoni għal persuni ġejjin minn sferi differenti tas-soċjetà.

Kuntent li ltaqa’ ma’ nies differenti

Ma’ Newsbook.com.mt Muhammad Hussein Mohamed qal li kien kuntent ħafna li ltaqa’ ma’ persuni ġejjin minn soċjetajiet u komunitajiet differenti. Qal li rċevew ħafna informazzjoni dwar kif jistgħu jintegraw u jikkomunikaw.