Filmat: “Agħtuhom intom x’jieklu”

Matul din il-ġimgħa waqt The Hand-Book fuq 103 Malta’s Heart il-mistiedna ta’ George Cassar huma Fr Josef Mifsud u l-attriċi u preżentatriċi Angele Galea.

Il-qari tal-ġurnata

Qari mill-Evanġelju skont San Mark – Mk 6, 34-44

Meta kien sar il-ħin ġmielu, resqu d-dixxipli tiegħu u qalulu: “Dan post imwarrab, u ġa sar ħafna ħin. Ibgħathom, ħa jmorru fl-irziezet u fl-irħula tal-qrib jixtru xi ħaġa x’jieklu”. Iżda hu weġibhom: “Agħtuhom intom x’jieklu”. Qalulu: “U aħna se mmorru nixtru b’mitejn dinar ħobż biex nagħtuhom x’jieklu?”. Imbagħad staqsiehom: “Xi kemm għandkom ħobż? Morru araw”. Meta saru jafu, qalulu: “Ħamsa, u żewġ ħutiet”.

Imbagħad ordnalhom iqiegħdu lil kulħadd bilqiegħda, ġemgħa ġemgħa, fuq il-ħaxix aħdar. U n-nies inxteħtet fl-art mija mija, u ħamsin ħamsin. Hu ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet, u ta l-kisriet lid-dixxipli tiegħu biex inewluhom lin-nies quddiemhom, u qasam ukoll iż-żewġ ħutiet bejniethom ilkoll.

U kulħadd kiel u xaba’. U ġabru l-bċejjeċ li fadal mill-ħobż u l-ħut u mlew tnax-il qoffa; u kienu ħamest elef raġel dawk li kielu mill-ħobż!

The Hand-Book

Waqt The Hand-Book jiġi diskuss l-Evanġelju tal-ġurnata. Il-programm jixxandar kuljum fuq 103 fil-5.35am, fin-12.30pm u fis-7.25pm.

Segwi l-edizzjoni tal-lum permezz tal-filmat.