Filmat: Agħti titwila lill-arloġġ b’saqajh taħt l-art u b’idejh fl-ajru

L-arloġġ twil disa' metri u li saqajh huma taħt l-art, huwa fost l-attrazzjonijiet li se jkun jista' jammira l-pubbliku meta jdur dawra mal-Kunvent San Mark fir-Rabat filwaqt li jipparteċipa fl-attivitajiet li se jkunu qegħdin jittellgħu.
Dan hekk kif il-Kunvent San Mark se jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku biex jieħu sehem fl-attività Vetustior Glorior open weekend li se tittella’ l-Ġimgħa 28, is-Sibt 29 u l-Ħadd 30 ta’ April li ġej, mid-9am sas-7pm.
Għaldaqstant, Newsbook.com.mt tkellem mal-Pirjol tal-Kunvent San Mark, Fr David Cortis, fejn spjega li dan l-open weekend se jkun attività ta’ fidi, arti, kultura u storja.
Spjega li fost l-attivitajiet li se jittellgħu, se jkun hemm għadd ta’ kunċerti minn The Busker, l-organista Wayne Marshall, il-grupp Cordia String Quartet u l-kitarrista Bernard Catania.
Barra minn hekk, se jkun hemm ukoll esebizzjonijiet tal-arti, lekċers u preżentazzjonijiet fuq aspetti tal-Kunvent, qari mill-istqarrijiet ta’ Santu Wistin, kif ukoll dawriet mal-Kunvent bl-għajnuna ta’ gwida, fosthom dawra maċ-ċella tal-iżolament li kienet tintuża fl-imgħoddi u mal-arloġġ twil 9 metri.
Il-pubbliku se jkun jista’ juża l-faċilità tal-Park & Ride mit-Triq tal-Infetti ta’ taħt l-Imdina.
Għal iktar tagħrif, wieħed jista’ jżur is-sit.
Filmat: Ian Noel Pace