“Agħlqu l-iskejjel illum qabel għada” – UPE

children-going-to-school
Miguela Xuereb

Read in English.

L-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) għamlet appell lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici sabiex dawn jagħlqu l-iskejjel illum qabel għada minħabba s-sitwazzjoni li hi qed tiddeskrivi bħala allarmanti tal-każijiet tal-coronavirus fl-iskejjel.

F’filmat imxandar ilbieraħ fuq il-paġna tal-UPE fuq Facebook, il-Kap Eżekuttiv tal-UPE Graham Sansone wissa li s-sitwazzjoni qed tiggrava kulma jmur, billi issa l-każijiet li qed jinstabu fl-iskejjel qed jinxterdu fil-komunità peress li l-istudenti jew l-għalliema jispiċċaw jinfettaw lil tad-dar, u hekk il-virus ikompli jinxtered.

Semma każ ta’ skola partikolari fejn kien hemm każ tal-coronavirus, u l-ġenituri vulnerabbli ta’ din l-edukatriċi spiċċaw ħadu l-Covid-19 ukoll. Missier din il-persuna għandu ‘l fuq minn 80 sena, huwa vulnerabbli anke peress li jbati bid-dimensja. Sansone qal li, “Il-persuna tinsab imkissra u mħassba li missierha jaf, allaħares qatt, ma jibqax magħna.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-UPE qal li huwa kontra diskors li qed isir li għax persuna tmut bil-Covid-19, din il-mewt tkun ġustifikata minħabba l-kundizzjonijiet ulterjuri li tbati bihom. Argumenta li, “Meta anzjan jittajjar minn karozza, ngħidu miet bil-kumplikazzjonijiet jew b’daqqa ta’ karozza?”

Huwa wera tħassib fuq kif qed topera s-sistema edukattiva, għaliex qal li l-kwarantina ma tagħmilx sens, l-edukaturi qed ikollhom jieħdu s-sick leave sa qabel jagħmlu t-test, iżda dan eventwalment se jispiċċa u jkollhom jirrikorru għal leave bla ħlas.

Fil-fehma tiegħu, is-sitwazzjoni kurrenti hi inaċċettabbli għax “missejna l-qiegħ fejn saħansitra l-ġenituri tal-għalliema qegħdin fil-periklu.” L-inkwiet ta’ Sansone huwa li t-tfal, li wkoll qed jimirdu bil-virus mill-iskejjel, jibdew imarrdu lin-nanniet vulnerabbli tagħhom. Apparti dan, wissa hu, ftit jiem oħra jaf immissu mal-1,000 każ attiv.

Sansone appella wkoll lill-iskejjel tal-Knisja u indipendenti biex jieħdu r-riedni f’idejhom u jagħlqu l-iskejjel tagħhom peress li dawn huma awtonomi.

Intant, illum daħlu l-aħħar żewġ gruppi ta’ studenti li kien fadal jidħlu fl-iskejjel statali. B’kollox huma 33,361 l-istudenti li huma reġistrati ma’ xi waħda mill-iskejjel tal-istat fis-snin tal-kindergarten u dawk tal-edukazzjoni obbligatorja. Hemm ukoll 22,374 student ieħor fl-istess snin li huma reġistrati ma’ xi waħda tal-iskejjel li mhumiex tal-istat.

Taqbel li jingħalqu l-iskejjel?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt