Filmat: “Adrian Delia se jgħaddi minn ġon-nar u joħroġ aktar b’saħħtu”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-2019, is-sena li għadha qed tibda, se tkun sena li “Adrian Delia se jgħddi minn ġon-nar u joħroġ aktar b’saħħtu”.

Waqt li kien intervistat fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia tkellem dwar dak li huwa sejjaħ bħala wieħed mill-iktar perjodi mqalleb f’ħajtu. Stqarr li kemm hu u kemm martu qablu fil-Qorti biex jipproteġu lit-tfal tagħhom billi ma niddiskutux dak li jolqot lilhom fil-pubbliku.

Dwar il-ħajja privata u dwar il-mod kif jesprimi ruħu, Delia qal li iktar minn qatt qabel qed jirnexxielu jiffoka li nagħmel xogħlu. Saħaq li hemm ftit li kull darba li jaraw lil Adrian Delia jimxi ‘l quddiem fis-sondaġġi, jinbet xi ħaġa biex jipprovaw jimminaw il-kredibiltà tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista.

Stqarr li s-saħħa tiegħu tiġi mingħand in-nies u iktar ma’ jitkellem man-nies iktar isib sapport. “Skoprejt li aktar nies li qed ikellmuni fuq materji soċjali li forsi qabel ma kontx nifhimhom”, qal Delia.

Voluntiera u aktar nies għall-Partit Nazzjonalista

Parti mill-intervista kienet iddedikata għas-sondaġġ li sar minn gazzetta lokali. Delia qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandux flus u riżorsi daqs il-Gvern imma l-PN għandu qalb u voluntiera li huma akbar minn tal-Gvern.

Delia spjega li “n-nies ġejjin minn kullimkien biex jgħinu lill-Partit Nazzjonalista”. Għal dan, Delia qal li għandu messaġġ ta’ kuraġġ għax “qed naħdmu iktar minn qatt qabel b’nies li qed jgħinu aktar, minn kull klassi u minn kull settur”.

Qal li l-Partit Nazzjonalista qed jirnexxielu jieħu l-politika ‘l barra mill-Parlament b’messaġġ li m’hemmx għalfejn ikun dibattitu tekniku.

Delia qal saħansitra li mhux qed ilaħħaq mal-messaġġi ta’ nies jistaqsuh kif jistgħu jgħinu. Spjega li rċieva messaġġi mingħand nies li ma jafhomx jgħidulu li qed jgħid it-tajjeb u qed jagħmel dak li hu ġust.

Gideb fil-gazzetti

Dr Delia qal li l-gazzetta The Times gidbet darbtejn fi ftit jiem fosthom dwar il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista. Qal li l-artikolista tat-Times prova jimmina lilu billi jinganna fuq il-mezzi soċjali u qal li l-verità dejjem titla f’wiċċ l-ilma. Dr Delia naqas milli jwieġeb dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit Nazzjonlaista wara li kien mistoqsi biex jiċċara l-fatti kif ġew ippubblikati.

Sejħa għar-riżenja

Meta mistoqsi dwar is-sejħa ta’ diversi persuni li jitolbuh jirriżenja, Delia qal li dak huwa sinjal li mhux irrelevanti u li qed idejjaq lin-nies b’mod li qed jarawh bħala theddida ċara.

Spjega li l-attakki u t-talbiet għar-riżenja tiegħu ġejjin mingħand nies li għadhom ma għarfux li għall-Partit Nazzjonalista huwa tajjeb li jkolli metodu ġdid. Kompla billi qal li huwa tajjeb li ż-żgħażagħ ikollhom spazju fejn jesprimu lilhom infushom milli l-Partit jgħidilhom x’jgħidu.

Mingħajr ma semma’ l-messaġġ li bagħat lill-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista li fih tkellem dwar gwerra, Delia qal li huwa ”tajjeb li jkollna Partit li jiġġieled biex jibni u mhux biex ikisser”. Qal ukoll li huwa ddiskuta u ltaqa’ ma’ kull min avviċinah u skont hu, mar aktar avvenimenti mis-soltu biex niltaqa’ man-nies.

Dwar l-immigrazzjoni, Delia qal li “meta hemm ħamest itfal li ilhom ġranet fuq il-baħar u li jistgħu imutu, mhux gust li Malta ma tagħmilx ħilitha biex issalvahom”.

Tkellem ukoll dwar il-kwistjoni tal-lukanda Corinthia fejn il-Gvern se jkun qed ibiegħ art pubblika bi prezz miżeru. Qal li l-Oppożizzjoni se tivvota kontra dwar din il-proposta fil-Parlament.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li qatt ma ġie kkonsultat mill-Prim Ministru dwar l-għażla ta’ President ġdid. Qal iżda li l-President innifisha kkonsultat miegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni f’laqgħa li kellu dwar ir-riforma kostituzzjonali.

Adrian Delia tkellem ukoll dwar Għawdex u qal li l-Gvern qed jinsa lill-Għawdex anki fid-diskors tal-baġit. Prijorità li Għawdex nagħtuh l-importanza ta’ reġjun.

“Nistgħu nagħmlu lil Għawdex hub teknoloġiku u qal li permezz tal-cables li hemm bżonn dan jista’ jsir”, temm jgħid Delia.

Lejn l-aħħar tal-programm huwa rringrazzja lil Alla tas-saħħa li qed jagħtih u lil ħafna nies li qed jissapportjawh f’dan il-mument diffiċli. Huwa rringrazzja lil għadd ta’ Laburisti li bagħtulu messaġġ ta’ kuraġġ u jgħidulu li qed jibbni Oppożizzjoni b’saħħitha.