Filmat: Abela mhux se jkeċċi lil Bonnici

Aġġornat 10:40 AM

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li mhux se jkeċċi lill-Ministru Owen Bonnici wara li l-Qorti sabet lil Bonnici ħati li kiser id-drittijiet ta’ attivisti Maltin.

Abela qal lil Newsbook.com.mt li ma jarax għalfejn Bonnici għandu jirreżenja. Żied jgħid li l-messaġġ li ħareġ illum huwa li Malta għandha istituzzjonijiet li jaħdmu u qrati li jieħdu deċiżjonijiet indipendentament mill-eżekuttiv.

Abela fakkar li waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħa wara li ġiet elett PM kienet li jordna biex “il-mafkar tal-assedju l-kbir” ma jiġix imnaddaf. Qal li antiċipa d-deċiżjoni tal-Qorti bi ġranet. Il-Gvern mhux se jkun qed jappella mis-sentenza tal-Qorti.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt għalfejn m’għandux jirreżenja Bonnici, Abela qal li ma jfissirx li għax il-Qorti ma taqbilx ma deċiżjoni li jkun ħa ministru awtomatikament dan għandu jirreżenja.

Newsbook staqsa lil Abela jekk ifissirx li mhux se jkun hemm riperkussjonijiet għal ministri li jiksru d-drittijiet fundamentali tan-nies.

“Ma tistax tgħidha b’mod ġeneriku,” wieġeb Abela.

Abela qal li qatt ma ġie konsultat dwar it-tneħħija tal-fjuri u l-messaġġi mill-mafkar mill-PM Joseph Muscat.

Bonnici għandu jirreżenja – PN

Il-Partit Nazzjonalista sejjaħ għar-riżenja ta’ Bonnici.

Fi stqarrija ffrimata minn Clyde Puli, il-PN qal li Bonnici għandu jġorr ir-responsabilità politika wara li nstab ħati ta’ ksur tal-libertà tal-espressjoni, pika, u firda mill-Qorti Kostituzzjonali.

“Il-Ministru Owen Bonnici nstab ħati mill-Qorti Kostituzzjonali li abbuża mill-poter tiegħu u kiser id-dritt tal-espressjoni ta’ ċittadini Maltin li riedu jfakkru lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia bi tqegħid ta’ fjuri u xemgħat mall-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta,” qal il-PN.

Skont il-PN, Gvern li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem ma jibqax ċass meta ministru tal-Gvern jinstab ħati li kiser dawn id-drittijiet.

Il-Qorti Kostituzzjonali għadha kif ikkonfermat abbuż ta' poter u ksur tad-dritt tal-espressjoni mill-Ministru…

Posted by Adrian Delia on Thursday, January 30, 2020

Dalgħodu l-NGO Repubblika ħabbret li rebħet il-kawża tagħha kontra l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici peress li dan instab ħati li kiser id-dritt tal-libertà tal-espressjoni tal-attivisti meta ordna li jitnaddaf il-mafkar għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Manuel Delia, f’isem Repubblika, esiġa r-riżenja ta’ Owen Bonnici minn Ministru.

Abela kien qed jgħati dawn il-kummenti wara laqgħa li kellu mal-kamra għan-negozji żgħar u medji. Fiha Abela qal li allegat “żball” ta’ negozjant ma jista’ qatt iwassal għal timbru negattiv fuq industrija sħiħa.

Filmat: Miguela Xuereb