Filmat: Abela ma jgħidx kienx Muscat li approva l-kuntratt ta’ Mizzi

Abela mistoqsi dwar il-kuntratt ta' Konrad Mizzi

Read in English.

Il-PM Robert Abela ma qalx jekk kienx Joseph Muscat li approva l-kuntratt ta’ Konrad Mizzi ta’ €80,000 fis-sena li issa tħassar.

Sorsi qalu lil Newsbook.com.mt li Muscat approva l-kuntratt fil-kapiċità tiegħu ta’ Prim Ministru u Ministru għat-Turiżmu. Muscat kien ħa f’idejh il-portafoll ta’ Mizzi wara li dan irreżenja. Il-pakkett ta’ €80,000 ta’ konsulenza mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) ġie żvelat mit-Times of Malta.

Illum Abela ġie mistoqsi jekk kienx jaf bl-involviment ta’ Muscat. Hu qal li ma daħalx f’dak l-aspett. Żied jgħid li meta sar jaf bil-kuntratt ħa deċiżjoni li jkun irtirat.

Abela ġie mistoqsi wkoll mill-midja dwar in-nomina ta’ Mizzi bħala l-kap tad-delegazzjoni Maltija fl-Assemblea Parlamentari għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE).

Abela qal li din kienet proposta li ġiet irtirata wara li ttieħdet in kunsiderazzjoni wkoll ir-reazzjoni pubblika. Fi kliem il-PM huwa important li jkun hemm l-ogħla livell ta’ governanza u li ma jsir xejn li jtappan ir-reputazzjoni ta’ Malta.

Ilbieraħ quddiem il-parlament, Abela qal li malli sar jaf bil-kuntratt ħa azzjoni flimkien mal-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli biex jitħassar.

Qal ukoll li jirrispetta d-dritt għall-protesta, imma ħass li ma kienx hemm bżonn li ssir waħda lbieraħ.

Filmati: Miguela Xuereb, Ġurnalista: Monique Agius