Filmat: Abela jżomm lura milli jifraħ lil Metsola

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela naqas milli jifrah lill-MPE Nazzjonalista Roberta Metsola wara li din ġiet maħtura bħala Viċi President tal-Parlament Ewropew, anke wara li ġie mistoqsi dwar dan mill-ġurnalisti.

Abela qal li filwaqt li ma kellux problemi b’ħafna kritika li Metsola kienet tagħmel għall-gvern tiegħu, ma setax jaċċetta “l-kruċjata” tagħha kontra l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.

Irrepeta kif bil-flus tal-iskema intużaw biex Puttinu Cares ikunu jistgħu jixtru appartamenti f’Londra għall-użu ta’ pazjenti li għandhom bżonn jirċievu kura hemm u l-familji tagħhom, u akkuża lill-MPE li qed tipprova timmina din l-inizjattiva biex tirbaħ argument politiku.

F’Ottubru, il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċeduri legali kontra Malta u Ċipru minħabba l-iskemi tal-passaport tagħhom, bl-argument li dawn kienu illegali u li jimminaw iċ-ċittadinanza Ewropea.

Talbet spjegazzjoni miż-żewġ pajjiżi, u wissiet li dawn l-iskemi jżidu r-riskju ta’ ħasil ta’ flus, evażjoni tat-taxxa u korruzzjoni.

Il-whip tal-gvern Glenn Bedingfield, min-naħa tiegħu, ikkongratula lil Metsola, anke jekk żied li jispera li tuża l-kariga tagħha biex tiddifendi l-interessi ta’ Malta.

Abela wisq moħħu maghluq biex jara lil hinn mill-partit – Metsola

F’reazzjoni, Metsola qalet li ma kinitx sorpriża bl-atteġġjament ta’ Abela: ma stennietx aħjar minnu.

“Li wisq dgħajjef, wisq insikur, wisq moħħu magħluq biex jara lil hinn mill-Partit Laburista, jew li jara l-pajjiż biss bħala aħmar jew blu jurik kull m’għandek taf fuqu u fuq kemm m’huwiex adegwat għall-pożizzjoni li jokkupa,” qalet l-MPE.

Żiedet li grata għall-dawk il-membri tal-PL li għażlu li jifirħulha għax fehmu xi tfisser il-ħatra l-ġdida tagħha.

“Il-messaġġ tiegħi, partikolarment għall-bniet, huwa dan: ibqgħu semmgħu leħinkom. Tħallux ir-realtajiet ġeografiċi ta’ Malta jżommukom lura, m’aħniex żgħar daqs kemm jidher li jaħseb il-Prim Ministru tagħna – m’hemm l-ebda limitu għall-potenzjal tagħkom,” ikkonkludiet.

Video: Miguela Xuereb